Christa Pike, il-priġuniera fl-Istati Uniti li kienet qed tistenna l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt, ħarġet mill-isptar wara li l-attentat ta’ eżekuzzjoni falla. Dan tħabbar mill-avukati tagħha.
Pike, ta’ 50 sena, ittieħdet lura fil-ħabs fejn qattgħet l-aħħar 30 sena hemmhekk u qed tkompli tirċievi kura medika. Dan skont stqarrija maħruġa mill-avukati tagħha nhar is-Sibt.
Hija baqgħet ħajja wara żewġ injezzjonijiet letali tad-droga tat-tip pentobarbital fit-30 ta’ Settembru, li ħallewha fi stat kritiku. Pike rkuprat aktar kmieni din il-ġimgħa u bdiet titkellem, xi ħaġa li ħasdet kemm lil esperti, kif ukoll lill-istaff mediku u lill-avukati tagħha.
Il-każ tagħha issa jinsab f’sitwazzjoni bla preċedent, hekk kif hija meqjusa bħala l-unika persuna li baqgħet ħajja wara attentat ta’ eżekuzzjoni b’injezzjoni letali. L-Imħallef ordna lill-istat biex jippreserva l-provi kollha relatati ma’ injezzjonijiet li ma rnexxewx.
Pike kienet l-ewwel mara li kienet skedata biex tiġi eżegwita fl-istat ta’ Tennessee f’aktar minn 200 sena.

