Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li jaħseb li “wasal iż-żmien li l-Ukrajna jkollha President ġdid”, hekk kif wieġeb għall-kritika ta’ Volodymyr Zelensky dwar il-ftehim tal-Istati Uniti mar-Russja dwar id-dijżil.
Il-President Ukren wissa li ftehim ġdid biex jiddaħħlu miljuni ta’ tunnellati ta’ dijżil Russu fl-Istati Uniti jipprovdi lil Moska bil-fondi biex tkompli l-gwerra tagħha kontra pajjiżu. Huwa ddeskriva dan il-pass bħala rigal lill-President Russu Vladimir Putin.
Nhar is-Sibt barra l-White House, f’kumment li ta lil ġurnalisti, Trump qal li Zelensky irid joħloq problemi għad-dinja billi jibqa’ jawtorizza attakki fuq ir-raffineriji Russi.
Minn mindu r-Russja invadiet lill-Ukrajna fl-2022, il-pajjiż ilu taħt liġi marzjali, fatt li jfisser li l-elezzjonijiet huma sospiżi. Il-provvisti globali tal-fjuwil, inkluż id-dijżil, ġew limitati drastikament minħabba l-gwerra kontra l-Iran. Din il-gwerra wasslet għall-għeluq effettiv tal-Istrett ta’ Hormuz, rotta li minnha normalment jgħaddi madwar wieħed minn ħamsa tal-prodotti taż-żejt fid-dinja.
Zelensky irreaġixxa billi qal li dan se jippermetti lil Moska tiġbor fondi ġodda biex takkwista tagħmir militari ġdid ħalli tkompli bil-gwerra. Huwa akkuża wkoll lil Moska li qed tinterpreta dan il-ftehim bħala sinjal li tista’ tibqa’ tiġġieled, wara sensiela ġodda ta’ attakki fatali fuq Zaporizhzhia.

