Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ John Cassar li hu akkużat bil-qtil t’ommu Mary Grace ta’ 72 sena u l-attentat ta’ qtil ta’ missieru Ġanni ta’ 74 sena, l-Ispettur Kurt Xahra spjega li waqt l-interrogazzjoni l-imputat qallu li l-ġenituri kienu kissrulu ħajtu.
Il-każ seħħ fil-15 t’Ottubru li għadda fir-residenza tal-koppja fl-Imqabba, fejn Mary Grace kienet instabet bla ħajja fil-kċina u Ġanni bi ġrieħi serji wara daqqiet ta’ turnavit f’sidru.
Waqt ix-xhieda tiegħu l-Ispettur qal li dakinhar tad-delitt kienet instabet il-kartiera tal-imputat fuq il-bank tal-kċina ftit ‘il bogħod minn fejn instabet ommu mejta.
Spjega li missieru kien f’karozza x’ħin qala’ d-daqqiet allegatament minn ibnu.
Qal li meta kien qiegħed jiġi interrogat, Cassar beda jitkellem dwar ir-relazzjoni li kellu mal-ġenituri tiegħu. Kien hawn li Cassar sostna li dawn kienu kissrulu ħajtu matul dawn l-aħħar 14-il sena. Iżda l-Ispettur qal li meta ġie mistoqsi biex jitkellem dwar x’kien qiegħed jiġi hu qal li ma jiftakarx.
L-Ispettur qal ukoll li Cassar qabel ma ġie arrestat kien qiegħed jitkellem mal-pulizija permezz ta’ video call u stqarr li kien hu li qatel lill-ġenituri tiegħu. Sa dak il-ħin Cassar ma kienx jaf li missieru kien għadu ħaj.
Waqt l-istess video call Cassar qal lill-Pulizija li kien ilu tlett ijiem jieħu l-kokaina u ried jieħu ftit eroina biex inaqqas l-effetti tad-droga li kien ħa.
Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ John Cassar mistennija tissokta fil-11 ta’ Diċembru li ġej.
