Wednesday, April 17, 2024

“Il-ġiri tani ħajti lura u naf fejn kapaċi nasal” – Donatella Fenech

Aqra wkoll

Fost it-tlielaq li tawha ħafna emozzjonijiet, hemm it-tlielaq li ġriet barra minn Malta, fosthom il-Valencia Half Marathon f’Ottubru 2018, Pisa Half Marathon f’Diċembru 2018, Seville Half Marathon Jannar 2020 u l-aħħar wahda ftit tal-ġimgħat ilu fejn kellha l-opportunità li terġa’ niġri l-Pisa Half Marathon. Peró, l-aktar tellieqa ta’ unur u ta’ sodisfazzjon għaliha tibqa’ meta tellqet fis-Slovenja f’Ġunju 2018 fil-Masters World Mountain Championships.

Minn dejjem kont tħobb l-isport?

Minn meta kont żgħira dejjem kont inħobb ħafna l-isport. Dejjem segwejt l-isport speċjalment il-futbol flimkien ma missieri, imma l-imħabba kbira li għandi lejn l-atletika nista’ ngħid li bdiet f’sena 2015. Bdiet aktar bħala bżonn għal saħħti u bdiet biss bi ftit mixi u xi ‘classes’. 

Però, f’Ottubru tal-2015 iddeċidejt li napplika għal 10k walkathon, imxejtha u ppruvajt niġri xi ftit x’ħin bdejt nara li nies madwari bdew jiġru. L-ewwel 10k nista’ ngħid li għamiltha f’ħin ta’ kważi siegħa u nofs. Ftit wara erġajt applikajt għal 10k oħra, bdejt nieħu gost u l-atmosfera tal-finish-line kienet togħġobni wisq. F’April tal-2016 ingħaqadt mal-LRC bil-ħsieb biss li jkolli kumpanija ta’ atleti oħra biex niġri magħhom. Peró, il-ġiri sar parti minni u sar aktar importanti għalija sena wara sena. Illum jien membru tal-club ta’ Mellieħa AC, fejn nista’ ngħid li hemmhekk sibt it-tieni familja tiegħi. 

X’ġara fl-2016?

Wara biss xahrejn li bdejt nagħmel tiġrijiet ma’ tlielaq oħra f’Lulju tal-2016 kelli nieqaf mit- taħriġ għall-perjodu għax għaddejt minn żmien diffiċli f’ħajti fejn tidħol saħħa. Kien żmien ta’ biżà u stennija u ħafna ħsibijiet, żmien li ma ninsa qatt u fl-istess ħin, żmien li għallimni ħafna wkoll. Wara sitt ġimgħat kelli riżultati pożittivi u minn hemm wegħedt lili nnifsi li f’ħajti rrid xi ħaġa ta’ sodisfazzjon għalija personali. Għalkemm f’dak iż-żmien ma kontx nittrenja bil-mod kif nittrenja illum, f’dak il-perjodu l-aktar ħaġa li mmissjajt kien il-ġiri, il-ħin tiegħi nnifsi u hemm indunajt verament xi jfisser il-ġiri għalija! Kien perjodu diffiċli f’ħajti però llum nirringrazzja lil Alla li għaddejt minnu għax nista’ ngħid li kien il-perjodu li bidilli ħajti mil-lejl għan-nhar. Bidilni kif inħares lejn il-ħajja u llum napprezza u nħobb il-ħajja ħafna aktar. Il-hajja sabiħa u llum nemmen li kulma jiġri f’ħajjitna kollu jiġri għal xi raġuni, anke l-mumenti diffiċli.  

Minn Ottubru tal-2016 bdejt nieħu l-ġiri aktar bis-serjetá u bdejt nittrenja bil-gwida ta’ coach. Minn dakinhar, qatt ma ħarist lura; inħares lura biss biex nara minn fejn bdejt! 

Illum nittrenja taħt il-gwida ta’ coach professjonali, Nick Anderson. Nittrenja 5/6 darbiet fil-ġimgħa, b’varjetá ta’ easy runs, speed work u long runs. Il-favoriti tiegħi jibqgħu dejjem il-long runs; inħossni nixtieq nibqa’ niġri u niġri!

It-taħriġ huwa mpenn kbir għax mhux facli li ssib il-ħin kuljum għat-taħriġ, però jien tip ta’ persuna li jew ‘I’m in jew I’m out’ meta niddeċiedi li nkun ser nagħmel xi ħaġa. Il-ġiri u t-taħriġ nieħdu ħafna bis-serjetà u nipprova nsegwi eżatt dak kollu li jgħidli l-coach, b’kuntatt mieghu regolari. Illum it-taħriġ huwa parti mill-ġurnata tiegħi, kuljum ikolli il-pjan ta x’hin ser naghmel it-tahrig tieghi. Hemm is-sagrifiċċji wkoll – sħana, bard, xemx, xita, riħ – iżda t-taħriġ irid isir xorta, barra li mhux kuljum ikolli l-aptit li naghmel it-taħriġ, peró mbagħad hawn fejn tidħol id-dixxiplina miegħi nnifsi. Il-weekends tiegħi huma dejjem dedikati għall-ġiri u minħabba f’hekk ġieli jkolli anke nirrifjuta xi attivitajiet soċjali mal-ħbieb, rari noħroġ is-Sibtijiet filgħaxija speċjalment meta l-Ħadd ikun ser ikolli xi tellieqa jew xi long run twila aktar mis soltu. Però għalija llum il-ġurnata dan huwa l-istil ta’ ħajti u nħossni fortunata wkoll li għandi l-appoġġ kollu tal-familja tiegħi għax id-dar kollha ngħixu l-istess stil ta’ ħajja. L-isport huwa parti kbira fil-ħajja tal-familja tiegħi.

Hemm xi tlielaq li tibqa’ tiftakarhom iktar minn oħrajn fil-karriera tiegħek?

Illum nista’ ngħid li f’dawn il-ħames snin għamilt ħafna tlieleaq. Kull tellieqa fiha l-istorja tagħha u kull waħda tagħtik xi ħaġa lura. Però, ikun hemm tlielaq li jagħtuk ftit aktar! In-Nofs maratona ta’ Malta fi Frar tal-2018 ma nista’ ninsieha qatt, għalija kienet tellieqa mimlija emozzjonijiet differenti u tellieqa li tgħallimt ħafna minnha. Tlielaq oħra li tawni ħafna emozzjonijiet huma bla dubju t-tlielaq li ġrejt barra minn Malta, fosthom il-Valencia Half Marathon f’Ottubru 2018, Pisa Half Marathon f’Diċembru 2018, Seville Half Marathon Jannar 2020 u l-aħħar wahda ftit tal-ġimgħat ilu fejn kelli l-opportunitá li nerġa’ niġri l-Pisa Half Marathon li għalija kienet tfisser ħafna li nerġa’ lura f’Pisa. Pisa żgur tibqa’ f’qalbi għal ħafna emozzjonijiet differenti.

Peró, l-aktar tellieqa ta’ unur u ta’ sodisfazzjon għalija tibqa’ meta tellaqt fis-Slovenja f’Ġunju 2018 fil-Masters World Mountain Championships. Kienet esperjenza li mhu ser ninsa qatt f’ħajti. Barra li kienet tellieqa differenti milli aħna mdorrija niġru, kien unur kbir għalija li nilbes u niġri bil-flokk ta’ Malta – il-flokk ta’ pajjiżi. Nista’ ngħid li f’dawn il-mumenti, il-kilba u l-imħabba tiegħi lejn il-ġiri dejjem tikber.

Kif jirnexxielek tlaħħaq ma’ kollox fil-ħajja tiegħek?

Bis-saħħa tal-familja tiegħi! Huma kollha jifhmu llum il-gurnata li l-ġiri huwa parti mill-ħajja tiegħi. Nammetti wkoll li nsib ħafna għajnuna u sapport mingħand il-genituri tiegħi. Peró, jien personali xorta nara li qatt ma nonqos lil ħadd minn xejn u li jien inkun dejjem preżenti għalihom kif huma dejjem hemm għalija. Jien persuna li nħobb nippjana u nqassam il-ġurnata peró mhux dejjem faċli u jkun hemm ġranet aktar iebsa minn oħra biex inlaħħaq ma’ kollox, peró mbagħad hawn jidħol il-bilanċ u l-prijoritajiet tal-ġurnata. 

Fi ftit kliem, xi jfisser il-ġiri għalik?

Naħseb li l-ġiri għallimni l-ikbar lezzjoni f’ħajti, urieni li jien nista’ nasal! Il-ġiri jurik li int kapaċi tasal, timxi jew tiġri … int trid tasal. U fil-ħajja hekk ukoll, tlajja jew inżul…int trid tasal! Tgħid qatt li huwa impossibli qabel tipprova, taħsibx li int ma tistax, kulħadd jista’ jasal, int biss trid tkun għalik innifsek! Taqta’ qalbek qatt u ibqa’ sejjer – lili l-ġiri tani l-isbaħ ħaġa – tani lura ħajti!

Ekonomija

Sport