Friday, April 26, 2024

“Inkomplu Nfasslu l-Politika tal-Għaqda” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li qegħdin fl-aħħar liwja u għalhekk kruċjali li kulħadd jibqa’ jikkopera”

“Dejjem ħadna d-deċiżjonijiet li kienu fl-aħjar interess tal-poplu kollu. Kien hemm mumenti fejn ma konniex perfetti. Tistaqsini jekk kienx hemm min kien perfett matul din il-pandemija? Ngħidlek iva u dawn kienu l-frontliners speċjalment dawk mediċi li festi u mhumiex baqgħu jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa ta’ ħaddieħor”, sostna dan fl-introduzzjoni tal-intervista tiegħu mill-Belt Valletta.

Rigward deċiżjonijiet ibsin li kellu jieħu, il-Prim Ministru qal li l-għeluq ta’ ċertu stabbilimenti kienet xi ħaġa li kellha ssir u anke kien hemm żmien fejn kellhom jingħalqu temporanjament l-iskejjel. 

Mistoqsi dwar il-miżuri u l-fatt li ħafna qegħdin iħossuhom mxebbgħin minn dawn il-miżuri li se jerġgħu jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn li ġej. Huwa kompla bl-appell tal-vaċċin u qal li dan huwa l-aqwa għodda li bis-saħħa tiegħu pajjiżna fl-agħar stadji tal-pandemija ma marx lejn l-għażla tal-lockdown.

“Nemmen li qegħdin fl-aħħar liwja u għalhekk kruċjali li għalhekk kulħadd jibqa’ jikkopera u n-nies jikkonkorru għall-vaċċin. Aktar kemm insaħħu l-immunità tagħna iktar se nkunu fi stadju li nirrilaxxaw ir-restrizzjonijiet”, kompla Robert Abela. 

“Matul il-pandemija ma tistax tmexxi bil-populiżmu”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ironikament għandna Oppożizzjoni li qiegħda tmexxi bil-populiżmu waqt din il-pandemija. Huwa appella lill-istess Oppożizzjoni biex tħalli jmexxi lil min jifhem, f’idejn l-awtorità tas-saħħa li tmexxina fuq il-kriterji tax-xjenza u kriterji li f’dawn l-aħħar xhur ħallew lil dan il-pajjiż imħares u sostna li hu jemmen li l-futur huwa wieħed sabiħ. Huwa fakkar li matul il-pandemija, sa mill-bidu l-Oppożizzjoni qalet li l-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru mhux jaqblu mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, imbagħad li m’għandhomx fiduċja fis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, imbagħad li ma kellhomx fiduċja fis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika iżda f’espert ieħor li jaħdem fid-Dipartiment u dejjem pruvaw iġibu lill-gvern f’kuntrast mal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. 

“Il-problema AirMalta… Is-Soluzjoni AirMalta”

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-introjtu tal-linja tal-ajru nazzjonali li sa mill-bidu tal-pandemija spiċċa fix-xejn. Fakkar li kien hemm perjodu fejn l-ajruport għalaq u t-titjiriet tagħha ġew ridotti għal numru żgħir ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni.

Realtà li ma setgħetx issir iktar kienet dik li ssir likwidazzjoni tal-linja nazzjonali u dan kien proprju l-messaġġ li ntbagħat lill-Kummissjoni Ewropea.

Minn hemm, il-Prim Ministru qal li l-pass li jmiss kien li jinħoloq mudell biex din il-linja nazzjonali tal-ajru ssir waħda vijabbli. Abela żied jgħid li diffiċli biex din il-linja tal-ajru tibda tagħmel profitt bil-miljuni iżda dan il-gvern għandu pjan ambizzjuż biex din ma tibqax topera bit-telf u ssir waħda sostenibbli.

Rigward il-ħaddiema, Abela qal li dawk li se jibqgħu jaħdmu se jkollhom is-serħan il-moħħ dwar l-impjieg tagħhom. Minn naħa l-oħra dawk li mhumiex se jibqgħu jaħdmu mal-linja nazzjonali, kulħadd se jkollu kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu mħarsa. Abela qal li l-prijorità tal-gvern kienet li jiġu salvati l-impjiegi.

“Li nista’ nagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema kollha huwa li l-impjieg tagħhom huwa garantit, l-introjtu tagħhom huwa garantit, il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma garantiti wkoll u mhumiex se jiġu sfurzati jagħmlu xejn kontra dik li hija r-rieda tagħhom”, kompla biex iwiegħed il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi u qal li minkejja tbassir negattiv, pajjiżna llum għandu l-anqas rata ta’ qagħad.

“Thake huwa eżempju ta’ ipokritiżmu politiku”

Rigward l-iskandli u riżenji ta’ membri parlamentari fi ħdan il-gvern, il-Prim Ministru qal li dawn l-affarijiet ma jiġrux fuq in-naħa tal-gvern. Huwa fakkar li fl-Oppożizzjoni minkejja l-pożizzjoni tagħhom qegħdin ikollhom riżenji b’dik l-aktar riċenti li l-Prim Ministru ddeskriva bħala “ipokritiżmu politiku”. Dan hekk kif l-istess Thake qiegħed ikun investigat minħabba evażjoni ta’ taxxa. Abela kompla biex jgħid li Thake kien ikkomfortat mill-Kap tal-Oppożizzjoni li wkoll kien investigat b’rabta ma’ evażjoni ta’ taxxi.

Skrutinju għal trasparenza fil-politika

Abela qal li sa mill-ewwel ġurnata tiegħu ħadem biex iwettaq tibdiliet favur it-trasparenza. Huwa qal li lill-kandidati li jitħajru jidħlu biex ġenwinament jagħtu kontribut pożittiv u leali fil-ħajja tan-nies, hemm skrutinju għal skop tajjeb biex tkompli titjieb l-prestazzjoni ta’ dawk li jirrappreżentaw il-poplu.

“M’hemm l-ebda rebħa garantita… kampanja elettorali titlaq xejn b’xejn”

Mistoqsi dwar l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “M’hemm l-ebda rebħa elettorali li hija garantita u dwar dan nixtieq inkun ċar ħafna ma’ kulħadd. Huwa fatt li kull kampanja elettorali titlaq xejn b’xejn, dik hija realtà. Issa xi jkun ir-riżultat finali jispetta lill-elettorat tagħna li jieħdu dik id-deċiżjoni”, kompla Abela.

Rigward il-kumment tal-MP Laburista Oliver Scicluna rigward il-pjaċiri fi żmien l-elezzjoni, Abela qal li għandek min kulma jitlob mingħandek huwa biss ftit minuti ta’ kumpanija. Huwa tkellem dwar esperjenzi man-nies, bħala Prim Ministru li tkellem man-nies u li jipprova jtejjeb il-ħajja tan-nies. Huwa qal li jiftakar episodju partikolari ta’ persuna li kienet marida b’marda terminali li kienet maqbuda fit-tielet sular mingħajr aċċessibiltà u hu nnifsu mbotta mal-awtoritajiet biex din il-persuna tiġi ġustifikament megħjuna kif jixirqilha.

“Mudell differenti minn ta’ qabilna mingħajr introduzzjoni ta’ taxxa”

Il-gvern fakkar li dan il-gvern dejjem mexa b’mudell differenti minn dawk ta’ qabel. Abela sostna li dan il-gvern f’perjodu ta’ pandemija baqa’ jagħti minflok jiġbor b’taxxi li jkomplu jdgħajfu lis-soċjetà tagħna b’detriment għall-ekonomija. Huwa fakkar li dan il-gvern fl-aħħar xhur ħabbar baġit ieħor mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda u li ta’ s-seba’ żieda konsekuttiva lill-pensjonanti.

“Fl-ambjent għamilna ħafna, iżda baqa’ ħafna xi jsir”

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-ambjent u qal li bħala gvern huwa konvint li hemm bżonn isiru t-tibdiliet. Tkellem dwar il-proġett tal-amministrazzjoni preċedenti li mill-faħam qaleb għall-heavy fuel oil. Fakkar li dan il-gvern ra bidla għall-gass naturali. Fost l-aktar riċenti huwa dak tas-shore to ship li b’pakkett ta’ fondi ewropej se jonqsu l-emmissjonijiet u tkompli titjieb l-kwalità tal-arja. Dan il-proġett se jiġi estiż għall-Port Ħieles biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies residenti fiż-żoni tal-madwar. Tkellem ukoll dwar it-twaqqif tas-single use plastics. Minbarra dawn, il-gvern qiegħed joffri inċentivi li jitilgħu biex jiffinanzjaw sa nofs ix-xiri ta’ vetturi elettriċi. 

Lil hinn mit-tnaqqis tal-emmissjonijiet, Abela tkellem dwar skemi fil-qasam tal-kostruzzjoni. Hawnhekk il-gvern inċentiva persuni li jixtru proprjetajiet battala li jiġu priżervati minflok jiġu żviluppati. 

Tkellem dwar il-proġett ta’ Wied Fulija li minn miżbla taqbad, dan il-gvern inawgura park tant sabiħ li qiegħed jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin.

“Jeħtieġ ningħaqdu u nappoġġjaw lill-Maltin f’kull kariga internazzjonali”

Il-Prim Ministru għalaq dwar l-importanza li l-pandemija ma tintużax bħala ballun politiku. Abela qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni stenna li Bernard Grech jissieħeb miegħu fl-appell lin-nies biex imorru jieħdu l-booster. Fakkar li l-istess Oppożizzjoni fil-bidu tal-“pandemija werwret lin-nies”.

Rigward il-possibbiltà tal-ħatra ta’ Roberta Metsola, il-Prim Ministru qal li huwa jixtieq li hi tinħatar bħala l-President tal-Parlament Ewropew.

“Wiegħdna li se nagħtuha l-appoġġ tagħna u għax il-pożizzjoni tal-Partit Laburista dejjem kienet kompatibbli li jappoġġja lill-Maltin f’kull kariga internazzjonali. Mhux biss ma tinkwetanix din il-kariga iżda nqisha bħala opportunità għal pajjiżna”, tenna Abela.

Mistoqsi dwar l-elezzjoni ġenerali li ġejja, meta se ssir u jekk jaħsibx li jista’ jitlef l-elezzjoni li ġejja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din se tkun saret sa nofs din is-sena u li għalih m’hemm xejn garantit. 

Il-Prim Ministru temm jgħid li hu dejjem ta’ prijorità l-kunċett tal-interess nazzjonali u kif wiegħed, tfassal baġit, ġie preżentat, u beda jiġi implimentat qabel tħabbret l-elezzjoni. Huwa qal li dan kien imur lil hinn minn xnigħat li l-gvern kien se jħabbar baġit pożittiv li jwittilu t-triq biex isejjaħ elezzjoni.

Sport