Wara li ftit xhur ilu nfetaħ Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Belt Valletta, waqt żjara fl-istess Ċentru tħabbar li ġie estiż il-programm ta’ attivitajiet sabiex dan iċ-Ċentru jkun miftuħ darbtejn fil-ġimgħa.

Mis-27 ta’ Marzu 2025, iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Belt Valletta se jkun miftuħ kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis, mis-7:00am sat-3:15pm.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif il-gvern qed ikompli jinvesti f’komunitajiet b’saħħithom u attivi. “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed jiżdiedu l-ġranet fejn l-anzjani jistgħu jattendu f’dan iċ-ċentru, u fl-istess waqt qed twassal sabiex is-servizz offrut jitwessa’ sabiex l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, enfasizza l-impenn tal-gvern biex ikompli jsaħħaħ dawn iċ-ċentri madwar Malta u Għawdex. “L-interess kbir li wrew l-anzjani Beltin f’dan iċ-Ċentru juri l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn. Permezz ta’ din l-estensjoni, qed inkomplu nsaħħu l-opportunitajiet għall-anzjani tagħna, biex jibqgħu attivi u jsibu wkoll sapport soċjali, filwaqt li jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Is-Segretarju Parlamentari għal Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li dejjem jagħraf il-bżonnijiet tar-residenti, kif ukoll lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għal din il-kollaborazzjoni. Kompliet li permezz tal-estensjoni tal-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru qed jilħqu aktar anzjani sabiex iżommu ruħhom aktar attivi fiżikament u soċjalment.
Dan iċ-Ċentru, li jinsab fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, diġà qed jilqa’ numru sabiħ ta’ anzjani li jattendu regolarment għal sessjonijiet edukattivi u soċjali. Minħabba l-interess li ntwera u l-benefiċċji li qed jiġu osservati, ġie deċiż li l-attivitajiet jiżdiedu sabiex l-anzjani jkollhom aktar opportunitajiet biex jiltaqgħu, jitgħallmu, u jgawdu minn programm varjat.
Il-programm ta’ attivitajiet f’dan iċ-Ċentru qed jiġi organizzat mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, joffri għarfien dwar is-saħħa fiżika u mentali, u jsaħħaħ l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani Beltin. Kull sessjoni tipprovdi spazju sigur fejn l-anzjani jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom, mhux biss ma’ sħabhom, iżda anke ma’ ġenerazzjonijiet oħra.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm ukoll is-Sindku tal-istess lokalità, Olaf McKay, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele.