Monday, November 4, 2024

Il-Grupp Farsons jirrapporta riżultati interim inkoraġġanti

Aqra wkoll

Il-Grupp Farsons irrapporta riżultati finanzjarji inkoraġġanti għall-ewwel nofs tas-sena finanzjarja, u b’hekk wera l-kapaċità tiegħu li jopera b’suċċess fil-kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu bl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi strateġiċi. Il-portafoll kummerċjali varjat u l-isforzi proattivi tal-Grupp kienu strumentali biex jintlaħqu dawn ir-riżultati, minkejja l-isfidi f’ċerti setturi.

Id-dħul tal-Grupp għall-ewwel sitt xhur tela’ b’7%, u b’hekk laħaq €69.8 miljun. Il-profitt qabel it-taxxa kiber bi 18% għal €9.6 miljun. Louis A Farrugia, Chairman tal-Grupp Farsons, attribwixxa dan it-tkabbir lill-effiċjenzi fl-operat u investimenti strateġiċi fis-setturi kummerċjali differenti li jopera fihom.

Is-setturi tax-Xorb u tal-Ikel kellhom żidiet ta’ 6.6% u 8.2% b’marġini tal-profitt ta’ 15.8% u 10.8%, b’riżultat tad-domanda ogħla u miżuri ta’ kontroll fuq l-ispejjeż.

Il-qligħ għal kull sehem tela’ bi 17%, minn €0.209 għal €0.245, u dan jirrifletti r-rendiment qawwi u l-impenn tal-Grupp li jimmassimizza d-dħul għall-azzjonisti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, Norman Aquilina, innota li matul l-ewwel sitt xhur, il-Grupp esperjenza tkabbir wiesa’ minħabba ċaqliq fid-demografija lokali, żieda fit-turiżmu, u għadd akbar ta’ fornituri fis-suq.

Minkejja kompetizzjoni ħarxa fis-settur tal-importazzjoni li kellha effett fuq il-marġini tal-profitt, il-mudell kummerċjali diversifikati tal-Grupp għen biex jimmitiga l-impatt. Prestazzjoni b’saħħita fis-settur tal-manifattura u r-ristoranti konċessjonarji għamlet tajjeb għall-mitigazzjoni tal-marġini, u enfasizzat ir-reżiljenza tal-Grupp u is-suċċess tal-inizjattivi strateġiċi ta’ innovazzjoni, titjib fl-effiċjenza tal-operat, u l-ottimizzazzjoni tal-marġini.

Louis A Farrugia għamel enfażi fuq l-impenn kontinwu tal-Grupp lejn tkabbir fit-tul u sostenibilità b’ifukkar fuq investiment mill-ġdid tal-profitti sabiex l-operat jiġi modernizzat.

Farsons waslet fil-qrib biex tlesti proġett maġġuri ta’ enerġija rinnovabbli li ser jespandi b’mod sinifikanti l-kapaċità fotovoltajka tal-kumpanija. Il-Grupp qed jiżviluppa wkoll impjant għall-irkupru ta’ CO2 biex itejjeb is-sostenibilità u jsaħħaħ il-katina tal-provvista tal-produzzjoni tiegħu.

Għaddej ukoll investiment sinifikanti fis-settur tal-ikel, bil-bini ta’ ċentru ta’ loġistika avvanzat kif ukoll ċentru ta’ uffiċċji fil-Ħandaq li mistenni li jitlesta sal-2026. Dan ser jespandi il- warehousing u il-kapiċita operattiva sabiex isostni it-tkabbir tal-kumpaniji sussidjarji, Quintano Foods u Food Chain.

Il-Grupp qed iwettaq reviżjoni strateġika tan-negozju tal-ikel. Din ir-reviżjoni, li kważi tlestiet, tinkludi valutazzjoni tal-benefiċċji potenzjali li jistgħu jirriżultaw mir-ristrutturazzjoni tal-operat f’entità elenkata separata. Hu mistenni li l-Bord jippreżenta proposti dettaljati lill-azzjonisti fil-futur qarib.

Waqt li jħares ’il quddiem lejn it-tieni nofs tas-sena finanzjarja, il-Grupp jistenna rendiment moderat minħabba fatturi staġjonali li tipikament jaffetwaw il-bejgħ fl-aħħar parti tas-sena. Minkejja l-ambjent dejjem aktar kompetittiv, il-Bord u l-Maniġment jibqgħu ffukati li kontinwament joffru valur superjuri permezz ta’ investiment, innovazzjoni, sostenibilità u tijib fl-operat.

Fid-dawl tar-rendiment finanzjarju qawwi, il-Bord tad-Diretturi ddikjara dividend interim ta’ €0.06 għal kull sehem. Dan id-dividend se jitqassam fis-16 ta’ Ottubru 2024 lill-azzjonisti li jidhru fuq ir-reġistru tal-membri ta’ nhar it-2 ta’ Ottubru 2024. Dan il-pass jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Grupp li jwassal valur lill-azzjonisti tiegħu, sostnut mis-saħħa finanzjarja u l-viżjoni strateġika tiegħu.

Sport