Il-ġuri li għaddej Lawrence Abina fejn jinsab mixli bil-qtil ta’ Rita Ellul jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu hekk kif fl-aħħar ħinijiet l-Imħallef Natasha Galea Sciberras bdiet tindirizza lill-ġurati.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ma kelliex aktar xhieda xi tella’ u għalhekk issa hu f’idejn il-ġurati li jsibu ħtija jew mhux ħtija tal-qtil.
Ellul kienet instabet mejta fis-26 ta’ Frar tal-2022 f’appartament f’Għajnsielem. Hi kellha 49 sena u għall-ewwel l-investigaturi ħasbu li kienet mietet b’mewta naturali. Iżda wara li saret l-awtopsja ġie konkluż li hija inqatlet wara li ġiet fgata.
Il-Pulizija kienu arrestaw lis-sieħeb tagħha li hu mill-Ghana. Hu kien akkużat bil-qtil ftit tal-jiem wara.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonnet u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Simon Micallef Stafrace qiegeħd jidher għal akkużat filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-familja tal-vittma.