Monday, April 7, 2025

“Il-ġustizzja soċjali trid tibda minn liġijiet tajbin”- l-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

“Il-ġustizzja soċjali trid tibda minn liġijiet tajbin.” Iddikjara dan l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta, Dr Anġlu Farrugia, meta indirizza d-Dibattitu Ġenerali – Sessjoni ta’ Livell Għoli – Segment ta’ Livell Għoli fil-150 Assemblea tal-Unjoni Inter-Parlamentari (IPU), li saret f’Tashkent, l-Uzbekistan, wara l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (PA-UfM) f’Granada.

Filwaqt li rrifletta fuq l-esperjenza parlamentari twila tiegħu, l-Ispeaker Farrugia enfasizza l-importanza li l-politika tinżamm qrib in-nies. Huwa nnota li f’Malta, il-Membri Parlamentari ħafna drabi jżommu r-rwoli professjonali tagħhom, li jippermettulhom jibqgħu konnessi mal-isfidi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini. Filwaqt li saħaq li liġijiet effettivi huma essenzjali, huwa qal li dawn ma jiswew xejn jekk ma jiġux infurzati kif suppost. Huwa ħeġġeġ lill-Parlamenti biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp soċjali u l-ġustizzja, iggwidati minn prinċipji universali li jipproteġu lil dawk vulnerabbli u jiżguraw ġustizzja għal kulħadd.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia enfasizza wkoll is-sistema robusta tas-sigurtà soċjali ta’ Malta u r-riformi ewlenin li għaddew mill-Parlament, inkluż il-mekkaniżmu kostituzzjonali ta’ korrezzjoni tal-ġeneru, li żied ir-rappreżentanza tan-nisa u l-emenda fil-kodiċi kriminali tal-2022 li introduċiet il-femiċidju. Temm billi afferma mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-Parlamenti fit-tmexxija tal-progress soċjali, filwaqt li stqarr li l-Parlamenti mhumiex biss għodod effettivi iżda istituzzjonijiet essenzjali biex titjieb il-ġustizzja soċjali.

Fil-jiem li ġejjin, l-Ispeaker Farrugia se jkun qed jippresiedi laqgħat tal-Kumitat tal-IPU għall-Promozzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-Kumitat.

L-Ispeaker Farrugia huwa akkumpanjat mill-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Ryan Callus. Id-delegazzjoni qed tkun assistita mis-Sur Ian Bajada.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport