Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja ta’ Monsinjur Victor Grech li llum ħalla din id-dinja fl-età ta’ 95 sena wara ħidma soċjali li wettaq b’qalb kbira f’pajjiżna. Huwa se jkun qed jingħata l-aħħar tislima permezz ta’ funeral li se jiġi organizzat mill-Istat.
Il-Gvern ħa d-deċiżjoni biex jorganizza mill-Istat il-funeral ta’ Mons. Grech b’rikonoxximent għall-ġid straordinarju li wettaq dan il-bniedem, li f’ħajtu dejjem ra li kulħadd ħaqqu opportunità oħra biex jgħix ħajja sabiħa.
Monsinjur Victor Grech kien il-Fundatur ta’ Caritas Malta u persuna li wera mħabba kbira mal-iktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru tkellem mal-familja u dawk li kienu l-aktar qrib Monsinjur Victor Grech biex flimkien magħhom isiru l-arranġamenti neċċessarji fl-organizzazzjoni tal-funeral.
Id-dettalji dwar il-funeral ta’ Mons. Grech jitħabbru aktar tard.