Il-Gvern iżid l-għajnuna lil tfal u żgħażagħ bid-dijabete fis-sajf

Aqra wkoll

Wara li kmieni din is-sena l-Gvern beda jagħti pompi tal-insulina b’xejn lil tfal u żgħażagħ li jgħixu bid-dijabete, il-Ministeru għas-Saħħa issa qed iżidilhom ir-riżorsi biex jieħdu dan it-trattament b’aktar kumdità, speċjalment fix-xhur tas-sajf.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg ħabbar li dawk imwielda fis-sena 2007 u wara u jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, u pazjenti li jiżviluppaw id-dijabete wara li jkunu għamlu interventi ta’ tneħħija tal-frixa, se jibdew jingħataw settijiet addizzjonali tal-infużjoni u cartridges (consumables) meħtieġa biex jużaw il-pompa tal-insulina b’aktar kumdità anke fis-sajf.

Permezz ta’ dan l-investiment addizzjonali, dawn il-persuni jkunu jistgħu jieħdu t-trattament b’mod aħjar, peress li fis-sajf dawn is-settijiet ta’ consumables tal-pompa tal-insulina jkollhom bżonn jinbidlu aktar ta’ spiss. B’hekk, dawn il-persuni jkollhom aktar serħan il-moħħ, filwaqt li jgawdu s-sajf b’inqas diffikultajiet, speċjalment l-għawm. Fil-fatt, qed jirċievu wkoll dressings reżistenti għall-ilma, li jkomplu jgħinu f’dan it-trattament.

Id-Deputat Prim Ministru qal li din l-għajnuna se tkompli ttejjeb il-ħajja għal dawk li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1. “Wara li bdew jirċievu l-pompi tal-insulina b’xejn, l-awtoritajiet tas-saħħa komplew isegwu l-benessere ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ u minn dak li smajna mingħandhom ħassejna l-bżonn li nkomplu nagħtuhom aktar riżorsi biex jilqgħu għall-kundizzjonijiet tas-sajf,” spjega Dr Borg.

“Dan il-proċess ta’ titjib kontinwu huwa essenzjali biex noffru servizzi tas-saħħa aħjar. Huwa proċess li jirrikjedi kollaborazzjoni bejn dawk kollha involuti f’dan il-qasam, mhux l-inqas dawk kollha li jkunu qed jirċievu t-trattamenti u s-servizzi li noffru – kollaborazzjoni li minnha jibbenefika kulħadd,” huwa żied jgħid.

M’Claire Catanzaro, li hija Paediatric Practice Nurse, saħqet li dawn il-bidliet qed jagħmlu differenza tanġibbli f’ħajjet dawn it-tfal u ż-żgħażagħ. “Din il-pompa tagħmel differenza kbira għaliex, fejn qabel it-tfal kienu jittaqqbu mal-ħames darbiet kuljum, permezz ta’ din id-device mhux biss se titnaqqas l-iskumdità, iżda se jkollhom aktar libertà u flessibbiltà fil-ħajja ta’ kuljum,” spjegat Catanzaro.

Fi Frar 2026, il-Gvern ħabbar pompi tal-insulina u l-consumables relatati b’xejn lil dawk imwielda fis-sena 2007 jew wara u jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, u pazjenti li jiżviluppaw id-dijabete wara li jkunu għamlu interventi ta’ tneħħija tal-frixa. Infetħu wkoll żewġ kliniċi tal-pompi tal-insulina fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, sabiex jagħtu l-appoġġ meħtieġ lil dawn il-persuni. Il-Ministeru għas-Saħħa nieda wkoll servizz t’għajnuna teknika bit-telefown 24 siegħa kuljum, fejn dawn il-persuni jkunu jistgħu jitkellmu ma’ infermiera u tobba speċjalizzati fil-qasam.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport