Monday, May 13, 2024

Il-gvern jaħtar bord biex jevalwa kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabbiltà Severa

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qed jaħtar Bord independenti kompost minn tliet membri sabiex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa. Dan ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal aktar kmieni llum.

L-istqarrija kompliet tgħid li minkejja li jeżistu sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, tant li kienu bis-saħħa tagħhom li ġew identifikati każi suspettużi u ġew riferuti lill-Pulizija, il-Gvern iħoss illi għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn meħtieġ. 

Għalhekk, indipendentament minn kull investigazzjoni tal-Pulizija, Il-Bord ta’ Evalwazzjoni maħtur mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Mark Musu’ se jkun presjedut mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi waqt li bħala membri fuq il-Bord se jkun hemm is-sinjuri Anthony Scicluna u Raymond Muscat.

It-Termini ta’ Referenza għall-Bord se jkunu li:

a. jiddetermina x’wassal biex applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabiltà Severa minn persuni li allegatament ma kienux medikament eleġibbli ġew aċċettati;

b. jistabbilixxi jekk f’dan il-proċess kienx hemm nuqqasijiet jew irregolaritajiet amministrattivi tul il-proċess ta’ verifika inkluż fl-evalwazzjoni medika;

c. jeżamina jekk is-sistemi u l-proċessi ta’ sottomissjoni u evalwazzjoni u verifika ta’ applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju humiex b’saħħithom biżżejjed biex jiġi assigurat li l-benefiċċju jingħata biss lil min verament ikun ħaqqu;

d. jirrakomanda kif meħtieġ x’miżuri għandhom jittieħdu sabiex is-sistemi li bihom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, kif ukoll l-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet innifishom, jissaħħu aktar jekk il-każ.

Il-bord se jkun mitlub iressaq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal u lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, fi żmien 5 xhur mill-ħatra tiegħu, għalkemm jekk ikun meħtieġ jista’ jitlob estensjoni.

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord jiġu ppubblikati.

Sport