Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, reġa’ ltaqa’ biex jiddiskuti diversi temi kurrenti, fuq quddiem nett id-diversi sfidi li bħalissa qed jiffaċċjaw il-pajjiżi madwar id-dinja.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tkellem dwar l-importanza li l-imsieħba soċjali b’interessi differenti jibqgħu jiddiskutu fi ħdan l-MCESD u enfasizza li l-gvern mhux biss lest biex jisma’, iżda wkoll biex jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li jsostnu l-irkupru ekonomiku, jinċentivaw in-negozji, u jwieżnu liċ-ċittadin.
Dan intqal anke fil-kuntest tad-diskussjoni dwar l-inflazzjoni, il-loġistika, u s-sigurtà tal-provvista – tliet temi li qed iħallu impatt fuq il-prezz tal-prodotti b’mod globali, kaġun tal-irkupru mill-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna. Deċiżjonijiet li ħa l-Gvern Malti wasslu biex Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u s-segretarju parlamentari saħaq li l-gvern jemmen li jrid jibqa’ jħoss il-polz tal-imsieħba soċjali biex kemm jista’ jkun u b’mod sostenibbli jtaffi l-impatt ta’ dak li qed jiġri.
Il-gvern jibqa’ jieħu pożizzjonijiet b’saħħithom ukoll fil-fora Ewropea biex jipproteġi l-interess nazzjonali, kif għamel riċentament inkluż b’kisbiet importanti fil-qasam tal-enerġija. Fil-fatt, waqt il-laqgħa tal-Kunsill, l-imsieħba soċjali saħqu li huwa importanti ħafna li jkomplu jiġu aġġornati dwar dak li jkun qed jigi propost fuq livell Ewropew. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qabel li dan il-proċess għandu jkompli jsir b’tali mod li jgħin kemm lill-gvern jinnegozja, imma wkoll lill-imsieħba soċjali fis-sitwazzjonijiet li jaffaċċjaw kuljum.