Sunday, December 29, 2024

Il-Gvern se jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga jekk Steward tawx il-valur għall-flus li ħadu

Aqra wkoll

F’seduta parlamentari mill-aktar imqanqla u li kienet ikkaratterizzata minn interruzzjonijiet kontinwi mill-membri tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-allegazzjoni li Steward rċevew €400 miljun u ma tawx il-valur tagħhom lura f’investiment infrastrutturali u servizzi mediċi lill-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa kompla billi nnota l-iskorrettezzi li qed isiru mill-Oppożizzjoni fejn qal li dawn qegħdin jixħtu n-numri, jafu li mhux minnhom u jibqgħu jirrepetuhom.

Filwaqt li nsista li f’dak li għandu x’jaqsam mal-arretrati ta’ taxxa “se nibqgħu għaddej bl-azzjoni legali sakemm nirkupraw dak kollu dovut,” il-Prim Ministru għamilha ċara li “kwalunkwe ammont ieħor li jista’ jirriżulta, illi tħallas u ma ngħatax f’servizz mediċi u f’investiment illi sar tal-lum, dak ukoll minnufih nagħmlu azzjoni biex nirkuprawh lura.”

Meta kien qed jitkellem dwar l-investiment infrastrutturali fid-diskussjoni dwar il-mozzjoni b’rabta mal-isptarijiet, il-Prim Ministru semma kif fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex sar investiment f’dental clinic, stroke unit ġdida, orthopedic unit ġdida u ċentru ta’ anatomija li huwa mmexxi minn Barts fost oħrajn. Semma wkoll l-ortethics u l-prosthetic unit fl-Isptar Karin Grech.

Huwa qal li bejn l-2019 u l-2022 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien hemm total ta’ 65,000 pazjent li żar l-emerġenza, saru 986 proċedura kirurġika f’dan l-isptar u 295,000 vista fl-Outpatients u 13,421 oħra marru fid-day care jew għal servizzi ta’ onkoloġija.

Tul dan il-perjodu, fl-Isptar Karin Grech is-servizz ta’ rijabilitazzjoni lill-anzjani kien wieħed tajjeb, fejn kien hemm 1,000 admission fis-sena li bejniethom dawn ħadu l-ekwivalenti ta’ 70,000 siegħa ta’ kura u trattament. Dr Abela qal ukoll li f’dawn iż-żewġ sptarijiet, Steward ipprovdew dak kollu meħtieġ għall-operat tagħhom fejn intuża l-apparat, ingħataw mediċini u ġie pprovdut l-ikel fost oħrajn.

Il-Prim Ministru qal ukoll li ssemma kif Steward ħadu self ta’ €36 miljun mill-BOV, li skont l-Oppożizzjoni dawn għosfru. Huwa stieden lid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia sabiex imorru l-iskola ta’ Barts sabiex jara b’għajnejh l-investiment multi miljunarju li Steward għamlu f’din l-iskola u anke l-bini taċ-ċentru tal-anatomija.

Sadanittant, il-Prim Ministru kien ċar fid-diskors tiegħu meta qal li “rridu noffru servizz ta’ kwalità tajba ħafna għall-pazjenti tagħna bi proġett ġdid f’Għawdex li jkun fuq quddiem tal-prijorità tagħna. Li s-servizz tal-kura medika f’pajiżna, partikolarment il-kura akuta ikun immexxi mill-Gvern. U li jekk hemm imqar ċenteżmu wieħed li tħallas mill-gver u Steward ma tawx lura l-korrispettiv allura dak iċ-ċentezmu se nġibuh lura mingħand Steward.”

Qal li għandna mozzjoni fuq sentenza li mhijiex definittiva għax hemm appell pendenti. Qal iżda li qed nagħtu serħan il-moħħ dwar l-għoti tas-servizz, u lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-isptarijiet filwaqt li “mhux se nċedu pulzier li hu pulzier lil Steward.”

Il-Prim Ministru nsista wkoll li fis-sentenza mkien ma jingħad li kien hemm xi aġir frawdolenti min-naħa tal-Gvern fejn tidħol il-konċessjoni tal-isptarijiet. Qal li għalhekk se jirreżisti bil-qawwa kollha lil kull min idawwar ta’ taħt fuq dak li qalet il-Qorti.

Min-naħa l-oħra, Dr Abela qal li “mhux se noqgħod ngħid li l-proġett ta’ Mater Dei ħa 20 sena biex jitlesta mbagħad irrealzzaw li kien żgħir wisq għal pajiżna. Lanqas se ngħid li hemm 200 miljun lira maltin illi meta saret l-investigazzjoni qalu heqq dawn sparixxew.”

Huwa qal iżda li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien qabbad kumpanija jisimha Skanska li tat konkrit ta’ kwalità inferjuri. Hawn żvela kif għal għaxar snin sħaħ, Adrian Delia kien il-konsulent legali ta’ din il-kumpanija. “Ara dakinhar ma ħarqitux qalbu biex jipproteġi l-interessi tal-poplu Malti,” qal il-Prim Ministru. Delia rribatta billi qal li dak iż-żmien huwa kien avukat fil-privat u ma kienx fil-politika.

Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi assigura li se tkompli tingħata l-aqwa kura lill-poplu Malti u Għawdxi.

Ekonomija

Sport