Friday, January 17, 2025

Il-Gvern se jkompli bl-investiment fil-ġudikatura fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Il-gvern itenni li f’din il-leġiżlatura minn maġistrat wieħed iffukat fuq il-vjolenza domestika, dan in-numru żdied għal 3 maġistrati li bejniethom jisimgħu kawżi sommarji ta’ vjolenza domestika u kumpilazzjonijiet ta’ każi ta’ vjolenza domestika.

Is-seduti li jittrattaw il-vjolenza domestika żdiedu minn medja ta’ 2 sa 3 għal medja ta’ 8 fil-ġimgħa.

Ir-riżultat ta’ din iż-żieda diġà qed iħalli l-impatt mixtieq hekk kif fis-sena 2024 ġew introdotti 125 kumpilazzjoni u ġew deċiżi 110. Dan filwaqt li ġew introdotti 1,845 kawża sommarja u ġew deċiżi 1,549 kawża relatati ma’ vjolenza domestika.

Il-gvern diġà kkonferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni fil-korp tal-ġudikatura, inkluż b’żieda ta’ aktar maġistrati. Dan bil-għan li jkompli jibni fuq deċiżjoni meħuda minn dan il-gvern, li b’differenza minn kif kien jiġri qabel, ma jħallix il-każi ta’ vjolenza domestika jibqgħu jiġu ttrattati bħal kwalunkwe reat ieħor u li tinħoloq speċjalizzazzjoni ffukata fuq dawn it-tip ta’ każi.

Il-gvern se jkompli jinvesti f’aktar kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien sabiex aktar persuni jingħataw l-assistenza meħtieġa. Wieħed ifakkar li ż-żieda fir-rapporti hija xhieda ta’ kemm illum hawn aktar kuxjenza dwar din il-pjaga soċjali u s-servizzi disponibbli, kuntrarjament għall-passat meta dan ir-reat kien jibqa’ mistur bejn l-erba’ ħitan tad-dar.

L-appell tal-gvern jibqa’ wieħed kostanti, li din il-pjaga soċjali ma għandha qatt tkun użata bħala ballun politiku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport