Thursday, July 2, 2026

Il-GWU tirreġistra tilwima industrijali ma’ Healthmark dwar nuqqas ta’ arja kkundizzjonata fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat tilwima industrijali kontra Healthmark wara li għal sena oħra reġgħet ġiet infurmata li s-sistemi tal-arja kkundizzjonata fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa mhumiex qed jiffunzjonaw.

Din mhijiex l-ewwel darba li nqalgħet din il-problema matul ix-xhur tas-sajf. Il-fatt li din is-sitwazzjoni qed tirrepeti ruħha qed joħloq ambjent tax-xogħol inaċċettabbli għall-ħaddiema u qed tqajjem tħassib serju dwar is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Il-carers u l-ħaddiema l-oħra li jaħdmu ġewwa r-residenza qed ikunu esposti għal temperaturi għoljin għal sigħat twal, b’riskju ċar ta’ sħana eċċessiva u problemi oħra relatati mas-sħana. Din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli u ma tistax tibqa’ tiġi tollerata.

Għalkemm it-tilwima industrijali qed tittieħed fil-konfront ta’ Healthmark ix-xogħol ta’ manutenzjoni tal-arja kundizzjonata ma jaqax taħt it-tmexxija tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan, il-GWU qed tinforma formalment lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) sabiex tinvestiga din is-sitwazzjoni mingħajr dewmien, filwaqt li rreġistrat tilwima industrijali mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).

Sakemm is-sistemi tal-arja kkundizzjonata jerġgħu jibdew jiffunzjonaw b’mod sħiħ u l-ambjent tax-xogħol ikun sigur, il-GWU qed tagħti direttiva li tibqa’ fis-seħħ sakemm il-maniġment jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u xierqa.

Il-GWU tirriżerva d-dritt li tintensifika l-azzjonijiet industrijali u toħroġ direttivi oħra jekk il-kundizzjonijiet mhux siguri jibqgħu jippersistu jew jekk isir xi tentattiv biex il-ħaddiema jiġu mġiegħla jwettqu xogħol li jpoġġi f’riskju s-saħħa u l-benesseri tagħhom.

Il-GWU tistenna li Healthmark tieħu azzjoni immedjata biex issolvi din il-problema u tiżgura ambjent sigur kemm għall-ħaddiema kif ukoll għar-residenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport