Il-GWU tisħaq fuq aktar djalogu soċjali u taħriġ kontinwu għall-ħaddiema

Kevin Camilleri: “Irridu ndawru l-isfidi f’opportunitajiet biex insaħħu l-produttività, il-ħiliet u l-pagi tal-ħaddiema”

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali u li jsir aktar investiment fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, sabiex Malta tkun tista’ tindirizza l-isfidi ekonomiċi u teknoloġiċi u tibdilhom f’opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp.

Camilleri għamel dawn il-kummenti wara li attenda business breakfast organizzat mill-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-Budget 2027, li matulu ġew diskussi diversi proposti marbuta mal-produttività, il-pagi, il-ħiliet tal-ħaddiema u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Fil-kummenti tiegħu, Camilleri osserva li ħafna mill-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista ilhom jiġu diskussi mill-imsieħba soċjali. Filwaqt li ddeskriva d-diskussjoni bħala waħda interessanti, huwa sostna li xtaq jara aktar enfasi fuq ir-rwol tad-djalogu soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki li jolqtu direttament lill-ħaddiema u lill-ekonomija.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU enfasizza li t-taħriġ kontinwu, it-tisħiħ tal-ħiliet u l-iżvilupp professjonali għandhom ikunu prijoritajiet sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw għat-tibdil teknoloġiku u għall-ħtiġijiet ġodda tas-suq tax-xogħol.

Huwa sostna li l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna, fosthom dawk marbuta mad-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali, għandhom jitqiesu wkoll bħala opportunitajiet biex titjieb il-produttività, jinħolqu impjiegi ta’ kwalità ogħla u jissaħħu l-prospetti ta’ pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Il-produttività, il-ħiliet, il-pagi u t-turiżmu fiċ-ċentru tad-diskussjoni

Matul il-business breakfast, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, ippreżenta erba’ pilastri li, skont hu, għandhom iwasslu għal ekonomija aktar kompetittiva: il-produttività, il-ħiliet, il-pagi u t-turiżmu.

Fost il-proposti msemmija kien hemm inċentivi biex aktar negozji jinvestu fl-awtomazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll aktar investiment fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħaddiema.

Ġew diskussi wkoll proposti għat-tnaqqis tal-burokrazija, iż-żieda fl-effiċjenza, it-tisħiħ tal-innovazzjoni u r-riċerka, kif ukoll it-twaqqif ta’ awtorità dedikata li torbot il-ħtiġijiet tal-ekonomija mal-ħiliet tal-ħaddiema u tirregola r-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin.

Fir-rigward tal-pagi, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar inċentivi marbuta mal-produttività u l-valur miżjud, aktar opportunitajiet ta’ avvanz fil-karriera u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi ġodda li joffru pagi aħjar.

Fil-qasam tat-turiżmu, il-Partit Nazzjonalista ppropona li ż-żieda fl-eko-kontribuzzjoni tkun applikabbli bejn ix-xhur ta’ Mejju u Ottubru.

Il-GWU tkompli tenfasizza l-importanza li kull diskussjoni dwar il-futur ekonomiku ta’ Malta tqiegħed lill-ħaddiema fiċ-ċentru tagħha, b’attenzjoni partikolari lejn it-tisħiħ tal-ħiliet, il-kwalità tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għall-business breakfast attendew ukoll, f’isem il-GWU, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela u l-President Jason Deguara.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport