Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, irreġistrat żviluppi oħra pożittivi fis-settur tal-couriers, hekk kif id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) wettaq il-verifiki marbuta mat-talbiet għar-rikonoxximent uniku tal-ħaddiema ta’ WFDM u Twenty 17.
Dan il-pass ikompli jikkonferma l-fiduċja li l-ħaddiema ta’ dan is-settur qed ipoġġu fil-GWU, hekk kif aktar couriers qed ifittxu rappreżentanza kollettiva biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, Brian Bonnici, laqa’ dan l-iżvilupp u enfasizza li l-prijorità tal-Union tibqa’ li tassigura li kull ħaddiem, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, igawdi minn kundizzjonijiet xierqa u jkun protett minn kull forma ta’ sfruttament.
Huwa rrikonoxxa wkoll il-ħidma li kienet inbdiet minn Kevin Abela, illum Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, li poġġiet il-pedamenti għall-organizzazzjoni tal-ewwel couriers fi ħdan il-Union.
Filwaqt li għad hemm sfidi, fosthom ħaddiema li għadhom mingħajr rappreżentanza u reżistenza minn ċerti kumpaniji, il-GWU tibqa’ impenjata li twessa’ l-ħidma tagħha f’dan is-settur u tkompli taħdem favur ambjent tax-xogħol aktar ġust u sigur.

