Il-General Workers’ Union ospitat għal darb’oħra ċelebrazzjoni importanti għall-komunità Hindu f’Malta, dik tal-festival ta’ Krishna Janmashtami. Dan l-avveniment jiġbor flimkien ċittadini minn pajjiżi terzi u membri tal-komunità fejn jitfakkar it-twelid ta’ Lord Krishna.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li l-union hija miftuħa għall-ħaddiema kollha, inkluż dawk ġejjin minn pajjiżi terzi. Huwa enfasizza li l-ħidma li qiegħda tagħmel l-GWU f’dan ir-rigward qiegħda tħalli l-frott mixtieq.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela qal li “flimkien irnexxielna niksbu ħafna. L-union kellha diversi stejjer ta’ suċċess. Il-messaġġ huwa ċar. Tħallu lil ħadd jaqtgħalkom qalbkom. Aħna qegħdin hawn biex nirrappreżentaw lil kull ħaddiem, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu.”


