Il-qaddiefa, l-ekwipaġġi u l-klabbs li jżommu ħajja waħda mill-aktar tradizzjonijiet sportivi distintivi ta’ Malta kienu protagonisti f’serata speċjali fil-Port il-Kbir, jumejn qabel ir-Regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja.
Waqt is-serata ġew ippreżentati t-tmien klabbs parteċipanti flimkien mal-ekwipaġġi li se jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena. L-inizjattiva kienet maħsuba biex tagħti aktar prominenza u rikonoxximent lill-qaddiefa, lill-klabbs u lil dawk kollha li tul is-sena jitħarrġu, jaħdmu u jagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa biex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri ppreseda s-serata u saħaq li r-Regatta hija ferm aktar minn kompetizzjoni sportiva. Hija tradizzjoni marbuta mal-istorja u l-identità Maltija, iżda fl-istess waqt sport kompetittiv li jirrikjedi taħriġ, saħħa fiżika, koordinazzjoni, ħidma f’tim u impenn kontinwu mill-qaddiefa u l-klabbs.
“Ir-Regatta hija tradizzjoni minsuġa fl-identità tagħna, iżda warajha hemm fuq kollox in-nies li jagħtuha l-ħajja. Hemm il-qaddiefa li jqattgħu xhur jitħarrġu, il-kowċis, id-diriġenti, il-voluntiera u l-familji li jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex din it-tradizzjoni tibqa’ b’saħħitha. Illejla qed nagħtu l-prominenza lilhom u nirrikonoxxu l-impenn, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu tul is-sena kollha. Irridu nkomplu ngħollu l-profil tar-Regatta, insaħħuha bħala sport u nagħtuha l-appoġġ meħtieġ biex tibqa’ tattira l-interess u ġenerazzjonijiet ġodda ta’ qaddiefa, mingħajr ma titlef il-karattru uniku tagħha,” qal il-Ministru Camilleri.
Matul is-serata ġew ippreżentati l-ekwipaġġi ta’ Birżebbuġa, Bormla, il-Kalkara, il-Marsa, Marsamxett, l-Isla, is-Siġġiewi u l-Birgu. Il-klabbs se jikkompetu fuq l-opri tradizzjonali tar-Regatta, fosthom il-kajjikki, id-dgħajjes tal-pass, il-frejgatini u d-dgħajjes tal-midalji.
Is-serata hija waħda mill-inizjattivi li qed jittieħdu biex tkompli tikber il-viżibbiltà tar-Regatta, tal-istorja tagħha u tas-sinifikat tagħha bħala avveniment sportiv u nazzjonali. Ir-Regatta ssir darbtejn fis-sena, f’Jum il-Ħelsien u f’Jum il-Vitorja, u għandha post partikolari fil-kalendarju nazzjonali.
Din il-ħidma tibni fuq inizjattivi oħra mħabbra fl-aħħar jiem bħala parti mill-impenn biex tissaħħaħ ir-Regatta, li kien ukoll wieħed mill-impenji tal-Manifest Elettorali u li beda jissarraf f’azzjoni konkreta fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura. Fost l-inizjattivi mħabbra hemm li kull wieħed mit-tmien klabbs se jingħata dgħajsa ġdida tar-Regatta, flimkien ma’ miżuri oħra biex jingħata aktar sostenn lill-klabbs u lill-qaddiefa u tkompli tissaħħaħ l-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni.
Il-Ministru Camilleri qal li dan is-sostenn jirrikonoxxi wkoll ir-realtà tal-klabbs u l-ispejjeż u s-sagrifiċċji marbuta maż-żamma tal-opri u l-parteċipazzjoni f’dan l-isport. Huwa saħaq li l-għan huwa li l-klabbs jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ikomplu jkabbru r-Regatta filwaqt li jinżamm il-karattru distintiv tagħha.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tar-Regatta, Kevin Borg, spjega li għall-edizzjoni ta’ Settembru sar ukoll tibdil fis-sekwenza tat-tiġrijiet, wara li din il-miżura kienet tħabbret fit-tnedija tar-Regatta. Fost il-bidliet, it-tellieqa tan-nisa se ssir ta’ qabel tal-aħħar, b’sekwenza maħsuba biex it-tliet shields jiġu deċiżi matul l-aħħar tliet tiġrijiet tal-programm.
“It-tibdil fis-sekwenza tat-tiġrijiet sar wara li ġew ikkunsidrati diversi aspetti tekniċi u operattivi. Ridna li t-tliet shields jiġu deċiżi fl-aħħar tliet tiġrijiet, biex il-qofol tal-kompetizzjoni u ċ-ċelebrazzjoni finali jkunu miġbura flimkien. Fl-istess waqt, is-sekwenza l-ġdida tagħti aktar spazju bejn it-tiġrijiet għall-proċess tal-użin, li huwa parti importanti mill-kompetizzjoni u jeħtieġ il-ħin meħtieġ biex isir kif suppost. Qed niffaċilitaw ukoll il-bdil tal-ekwipaġġi, partikolarment għal dawk il-qaddiefa li jieħdu sehem f’aktar minn tellieqa waħda. Dawn il-bidliet huma maħsuba biex ikollna programm aktar effiċjenti kemm mill-aspett tekniku kif ukoll organizzattiv,” qal is-Sur Borg.
Fl-istess waqt, din is-sena qed jissaħħu l-mezzi ta’ sorveljanza viżiva u teknoloġika waqt it-tiġrijiet, bil-għan li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-dubji u l-inċertezzi dwar ir-riżultati f’kompetizzjoni fejn it-tiġrijiet spiss ikunu deċiżi b’differenzi żgħar.
Il-Ministru Camilleri awgura lill-qaddiefa kollha għat-tiġrijiet u appella biex il-passjoni u r-rivalità sportiva li jiddistingwu lir-Regatta jibqgħu dejjem imsejsa fuq ir-rispett u l-ispirtu sportiv. Huwa saħaq li kemm fir-rebħa kif ukoll fit-telfa, ir-rispett bejn il-qaddiefa u l-klabbs għandu jibqa’ dejjem fuq quddiem.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir fit-8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir, bħala parti mill-programm uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa nazzjonali tal-Vitorja.

