Saturday, April 27, 2024

Il-GWU u l-Kamra tal-Kummerċ bi ftehim biex jippromwovu l-anzjanità attiva

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-General Workers’ Union iffirmaw ftehim dwar l-anzjanità attiva u l-approċċ interġenerazzjonali biex ikun żgurat ambjent tax-xogħol b’saħħtu, sigur u produttiv. Dan sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ għarfien u esperjenza bejn il-ġenerazzjonijiet. 

Iż-żewġ naħat irrikonoxxew il-ħtieġa qawwija għal politiki fil-kuntest tas-suq tax-xogħol Malti biex ikun żgurat illi r-riżorsi umani u l-esperjenza li għandhom dawn il-ħaddiema jinżammu għall-itwal żmien possibbli. Huma se jkunu qegħdin ukoll jippromwovu prattiċi tajbin b’għodda diġitali li se jkunu disponibbli għall-pubbliku.

Il-ftehim f’isem il-Kamra tal-Kummerċ kien iffirmat mill-President Marisa Xuereb u l-Kap Eżekuttiv Dr Marthese Portelli filwaqt li għall-GWU ffirmaw il-President Victor Carachi u s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja. 

Fil-kummenti tagħha, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li l-kontribut tal-professjonisti veterani huwa essenzjali għas-suċċess tan-negozji u l-ekonomija tagħna. Qalet li l-Kamra tal-Kummeċ u l-GWU identifikaw anomaliji legali fit-trattament fiskali ta’ ħaddiema li jirtiraw wara ċertu età li jmorru kontra l-ispirtu tal-anzjanità attiva. Qalet li ż-żewġ naħat jinsabu impenjati li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod konġunt mal-Gvern.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li: “il-GWU tappoġġja lill-ħaddiema kollha, inkluż dawk li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu wara li jkunu laħqu l-età tal-irtirar. Aħna nemmnu li dawk l-impjegati li għandhom snin twal ta’ esperjenza għandhom ħafna x’joffru. Dan il-ftehim jpoġġina f’pożizzjoni aħjar biex inkomplu nappoġġjaw u nipproteġu l-anzjanità attiva b’mod kollettiv.” 

Sport