Friday, May 10, 2024

Naħdem għal €792 f’idi fix-xahar… il-Maltin b’€7.50 jew €8 u aħna €4.95

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ħsibt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol wara li l-pajjiż kien għalaq u ħafna ħaddiema barranin telqu, kienu se jitjiebu. Kont imqarrqa.  Kull fejn fittixt qed nara kundizzjonijiet tax-xogħol li jidhirli li huma agħar. Pagi inqas. Mhux inqas biss imma magħhom hemm abbinati ċertu spejjeż. Ma kellhiex triq oħra wara xhur bla xogħol li naċċetta ħlas ta’ €792 f’idi fil-ġimgħa. Naf li hu skont il-liġi. Bih imma kważi kważi lanqas nista’ ngħix. Din il-paga meta qed innaqqas l-ispejjeż fosthom is-sodda li tagħha inħallas, għax ipprovdewli akkomodazzjoni ma’ oħrajn, il-paga lanqas isservini sa ll-aħħar tax-xahar. Inweġġa’ ħafna meta nara li l-kollegi Maltin li jaħdmu f’dan l-istess xogħol tiegħi fil-qasam tal-ospitalità nara li dawn imħallsin b’rata ta’ €7.50 u xi każi €8.00 fis-siegħa,  mentri aħna l-ħlas hu ta’ €4.95”.

Din hi l-karba li esprimiet magħna ħaddiema barranija li wara xhur wieqfa mix-xogħol, fl-aħħar ġimgħat reġgħet sabet impjieg f’pajjiżna. Id-dispjaċir tagħha hu li qed tara li l-kundizzjonijiet flok marru għall-aħjar marru għall-agħar.  

Il-paga hi ta’ madwar €12,000…imma mbagħad ssib li hi ta’ €10,200

IT-TORĊA tkellmet ma’ din l-impjegata fejn urietna d-dokumentazzjonijiet.  “Jien meta applikajt għal dan ix-xogħol qaluli li l-paga se tkun ta’ €12,000.  Fil-fatt hekk hu, iżda imbagħad meta tnaqqas il-kontribuzzjonijiet u taxxi, din tinżel għal €10,200 fis-sena.   Dan ifisser li l-paga fil-ġimgħa hi ta’ €198. Jien tlabt xi ħaġa aktar, imma qalu li li dawn biss jistgħu joffru.  Il-ħlas fis-siegħa hu ta’ €4.98. Għamilt il-verifiki tiegħi ma’ ħaddiema ħbieb tiegħi Maltin, li huma imħallsin aktar minni, u qaluli li jien imħallsa skont il-liġi, għax il-paga minima hi ta’ €181 fil-ġimgħa. Veru għandi ftit aktar mill-paga mill-paga minima, imma jien minn din il-paga marbuta li rrid jew ma rridx, għandi l-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali”.

Permess tax-xogħol hu ta’ €280 għal darba

Tgħidilna li “ma nistax nifhem kif il-permess tax-xogħol, spiċċajt kelli nħallsu jien. Spiża ta’ darba, imma l-ispiża hi ta’ €280. Għaliex din l-ispiża għandu jħallasha l-impjegat?  Il-paga diġa hi baxxa ħafna, u dan il-ħlas ifisser tnaqqis ta’ ġimgħa u nofs oħra paga”, qaltilna l-istess ħaddiema.

Akkomodazzjoni nħallas €260 għal sodda m’oħrajn

L-istess impjegata tgħidilna li “bħala parti mill-kundizzjoni hi dik li joffrulek fejn torqod. Jgħidulek li l-ħlas hu ta’ €260 fix-xahar, u ma jonqsux li jispjegawlek li biex tikri f’Malta l-ispiża hi għolja. Lili qaluli li diffiċli tikri appartament b’inqas minn €500 fix-xahar. Kont kuntenta għall-ewwel bl-akkomodazzjoni imma, fir-reatà issa li dawn jagħtuk biss sodda biex toqod fuqha. Privatezza ta’ xejn. Bil-paga li għandi ma nistax inmur nikri x’imkien ieħor għax ma jibqgħali kważi xejn,  U jekk inmur nikri x’imkien ieħor, nispiċċa nitlef it-trasport li hu provdut għal post tax-xogħol. Qiegħda qisni f’kantuniera u ma nistax niċċaqlaq”.

Ħallast €300 assigurazzjoni fuq saħħa

L-impjegata tgħidilna li “bħala parti mill-kundizzjoni jien kelli nagħmel assigurazzjoni għas-saħħa li ġiet tiswini ftit aktar minn €200 għal sena u magħha keli nagħmel X Ray u testijeit oħra li swewni €100. Spiża ta’ €300 oħra, li kollha jridu jitnaqqsu mill-€10,200 li għandi fis-sena.”

Jagħtuna l-ikla ħafna drabi bbażata fuq l-għaġin

L-impjegata tgħidilna li “xi ħaġa li fil-rajtha għoġbitni kienet dik li se tkun provduta ikla b’xejn kuljum. Fejn naħdmu mhux problema daqstant biex jipprovduha.  Anki hawn imma wara ftit ġranet id-diżappunt ma jonqosx. Ħafna drabi l-ikel ikun għaġin. Kemm se ddum tiekol għaġin.  L-ikla li nieklu hemm ma tkunx biżżejjed biex iżżommok għal ġurnata u d-dar nispiċċa nerġa’ nsajjar, għalkemm ġieli nkun għajjiena u ma nsajjar xejn. L-ikel qed dejjem jogħla. Nmur nixtri ftit laħam tal-friża, u mhux frisk, l-ispiża għal ġimgħa malajr titlagħlek għal €15. Magħha tixtri l-ħaxix u xi frott, bi spiża ta’ bejn €12 u €17. Noqgħod attenta li ma naqbiżx dan l-ammont. Ftit xhur ilu kont nixtri flixkun ħalib kuljum u ħobża.. Dawk kważi €2 kuljum. Din l-ispiża li tiġi €60 f’xahar m’għadniex niflaħha għax il-paga ma sservix”.

Jibqagħli biss €532 f’idi għal xahar… diffiċli tgħix bihom

Tenfasizza li “meta nnaqqas l-ispiża tal-akkomodazzjoni, jibqagħli f’idi madwar €532 jew €132 fix-xahar. Minn dawn irridu nħallsu l-kontijiet ta’ dawl u ilma, telefonija. Għandi l-mowbajl, li nħallas għalih €20 fix-xahar. Dan flimkien ma’ xiri ieħor u bżonnijiet personali.  Għandek il-card għat-trasport pubbliku biex tivvjaġġa. X’ħin innaqqas kollox, u noqgħod ħafna attenta, qed insib li din il-paga ġieli lanqas biss qed isservini.  Minn €792 x’ħin inneħħi l-ħlas tas-sodda jibqagħli €133 f’ġimgħa. Dawn kemm se jifilħu jiġġebbdu? Bihom irrid nagħmel il-bżonijiet kollha u nixtri li hemm bżonn.

Fl-aħħar tal-ġimgħa ġieli lanqas noħroġ. L-affarijiet barra saru għaljin. Anke biex tmur tieħu xi ħaġa f’kafeterija, l-affarijiet għolew. Nippreferi nara kif inġebbed il-paga. Biex naqla’ xi ħaġa żejda irid nagħmel xi biċċa xogħol wara l-ħin meta tiġi l-opportunità.”

Il-ħaddiema Maltin jgħinuna u anke jagħtuna xi ikel

L-istess ħaddiema qaltilna li “l-ħaddiema Maltin jafu li naqilgħu inqas minnhom u jgħinunha. Minn qalbi ngħidilhom grazzi. Jgħinuna kemm f’dak li hu ikel u anke affarijiet oħra. Insomma inferjuri ħafna għalihom. Nagħmlu l-istess xogħol imma l-paga tagħna inqas. Jinkluduna anke fl-attivitajiet li jagħmlu. Il-fatt li hemm din id-differenza fil-paga bejnietna, lilna tweġġgħana ħafna. Xi drabi meta jtuna ikel jew affarijiet oħra allavolja nkunu nafu li qed jagħmlu dan b’intenzjoni tajba u biex jgħinuna, inħossuna skomdi ħafna.  Għaliex għandna nkunu qisna qed ningħataw il-karità meta nagħmlu l-istess xogħol”.  

Sport