Wednesday, May 1, 2024

“Il-Ħaiti riesaq lejn katastrofi umanitarja”

In-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

Il-mibgħut speċjali tan-Nazz­jonijiet Uniti ġewwa Ħaiti qal li l-kriminalità minn gangs, u l-problemi ekonomiċi u politiċi qed iqarrbu lil Ħaiti lejn katastrofi umanitarja. 

Helen La Lime, meta kienet qiegħda titkellem f’laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li ġimgħat ta’ vjolenza u attakki fuq imħażen tal-ikel qed wasslu għal problemi kbar fis-sigurtà tal-ikel f’dan in-nazzjon. Apparti hekk, numru ta’ negozji għalqu l-bibien filwaqt li s-servizzi tat-trasport waqfu joperaw bħala protesta kontra s-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom. 

Huma eluf dawk iċ-ċittadini li qegħdin jitolbu għar-riżenja tal-Prim Ministru Ariel Henry, liema rabja żdiedet ferm madwar il-pajjiż meta iktar kmieni dan ix-xahar il-gvern kien ħabbar li se jwaqqaf is-sussidju fuq il-fjuwil. Dan wassal biex il-prezz tal-petrol u d-diżil jiżdiedu sostanzjalment. 

Fid-dawl ta’ dan kollu ġewwa l-kapitali Port-au-Prince għadd ta’ persuni ħarġu jipprotestaw kif ukoll kien hemm żieda fis-serq. La Lima qalet lill-Kunsill tas-Sigurtà li dan l-aħħar kien hemm ħafna attakki fuq l-imħażen fejn jinżammu l-provvisti tal-ikel li ngħataw bħala għajnuna mill-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU. Skontha xejn inqas minn 2,000 tunellata ta’ provvisti ntilfu. Hija tenniet li b’dan l-ammont ta’ ikel kienu se jiġu megħjuna xejn inqas minn 200,000 persuna ġewwa l-Ħaiti li l-iktar li jinsabu f’diffikultà.

Sport