Friday, December 20, 2024

IL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA MENTALI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Is-saħħa mentali minn ftit ilu ‘l hawn saret prijorità fl-aġenda nazzjonali.  Din hija kundizzjoni li tista’ taffettwa lil kulħadd irrispettivament mill-ġeneru u mill-età. Din taf tħalli wkoll konsegwenzi serji, soċjali u ekonomiċi fil-pajjiż.

Ix-xogħol huwa importanti x-xogħol għall-għajxien tan-nies iżda mill-banda l-oħra nafu li ambjent tax-xogħol negattiv jista’ jwassal għal problemi kemm fiżiċi u kif ukoll dawk relatati mas-saħħa mentali.

Dwar din tal-aħħar ħarġet statistika riċenti minn kumpanija li tagħmel ir-riċerka, li hija kemmxejn inkwetanti. Minnha joħroġ li żdiedu l-impjegati li esperjenzaw stress jew ansjetà marbuta max-xogħol filwaqt li kien hemm tnaqqis fost dawk li jaraw is-saħħa mentali tagħhom b’mod pożittiv. 

Dan bla dubju huwa ta’ tħassib għaliex l-impjegati għandhom ikunu moħħhom mistrieħa li l-post tax-xogħol fejn jaħdmu jkun addattat u ħieles minn kull ansjetà. Huwa għalhekk importanti li l-kwistjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixraqilha.

B’riżultat tal-pandemija, diversi kategoriji ta’ ħaddiema kellhom jaħdmu mid-dar. Dan naqqas ħafna mill-kuntatt dirett ma’ kollegi oħra tax-xogħol, li sfortunatament wassal ukoll biex xi ħaddiema anke jekk kienu qed jaħdmu mill-kumdità ta’ darhom ħassewhom iżolati mir-rutina li kienu mdorrijin biha qabel il-pandemija. B’nota pożittiva l-pandemija kabbret iktar l-importanza u l-għarfien dwar il-mard mentali li għandu diversi faċċati u l-kaġun l-għaliex huma diversi.

Nemmnu li jkun utli ħafna li postijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa mentali u jappoġġjaw persuni b’disturbi mentali huwa aktar probabbli li jwasslu għal tnaqqis fl-assenteiżmu mix-xogħol, iżidu l-produttività u jgħinu biex inaqqsu ċertu abitudnijiet li jwasslu għal xi forma ta’ mard mentali. 

L-istħarriġ sab ukoll li aktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu qalu li l-impjieg tagħhom ikkawżalhom problemi ta’ saħħa mentali fl-aħħar 12-il xahar. Dan minnu nnifsu jpoġġi responsabbiltà akbar fuq min iħaddem biex jieħdu l-inizzjativi meħtieġa biex jiżguraw il-benesseri tagħhom.

Hawn ta’ min jistaqsi jekk ix-xogħol ripetittiv iwassalx ukoll għall-ansjetà li finalment iħalli marka fuq is-saħħa mentali ta’ dak li jkun. Għalhekk huwa importanti li t-trejdunjins ikomplu jassiguraw li l-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna jipprovdu ambjent tassew san u ħieles mill-perikli kemm fiżiċi u kemm mentali. Konvinti li t-trejdunjins qed jagħmlu dan.

Ekonomija

Sport