Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà minn dejjem kienet kruċjali fuq il-postijiet tax-xogħol sa mill-bidu tal-industrijalizzazzjoni. Maż-żmien ingħatat ukoll importanza leġiżlattiva u llum għandna l-Awtorità għal Ħarsien tas-Saħħa u Sigurtà (OHSA) li qed tagħti l-prijorità li dan il-qasam jixraqlu. U hekk għandu jkun.
Kull ħaddiem għandu d-dritt li jaħdem f’ambjent fejn is-saħħa fiżika u mentali tiegħu ma jkunux fil-periklu. Għaliex kif ilna ngħidu, mhuwiex xi privileġġ li ħaddiem joħroġ mid-dar għax-xogħol u jirritorna lura qawwi u sħiħ.
Fl-istess waqt, huwa fl-interess ta’ min iħaddem li joffri ambjent kemm jista’ jkun ħieles mill-periklu. L-esperjenza wriet li b’dan il-mod, meta l-impjegati jsiru aktar produttivi u għax iħossuhom siguri fuq il-post tax-xogħol tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod aktar iffukat u effiċjenti.
Minn dawn il-kolonni kemm-il darba nsistejna fuq il-fatt li għandu jiġi żgurat li jsir taħriġ adegwat u regolari lill-impjegati dwar prattiċi ta’ xogħol bla periklu kif ukoll dwar x’għandu jsir biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ postijiet tax-xogħol li qed jevolvu. Huwa importanti wkoll li jibqgħu jsiru spezzjonijiet regolari f’postijiet tax-xogħol f’Malta u Għawdex mill-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurta sabiex ikun assigurat li r-regoli jkunu mħarsa kif suppost.
Hawnhekk, huwa ta’ sodisfazzjion ninnutaw li f’dawn l-aħħar tliet xhur, aktar minn 2,000 persuna ngħataw taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post x-xogħol. Dan sar b’investiment li qed iwassal għal aktar għarfien, prevenzjoni u protezzjoni fost il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u l-voluntiera.
Għalhekk din l-inizjattiva, fejn il-Gvern qiegħed jalloka xejn inqas minn €400,000 biex l-OHSA tipprovdi taħriġ bla ħlas, qiegħda tħalli l-frott mixtieq. Ir-rispons li qed ikun hemm huwa wieħed qawwi u li minnu nnifsu dan juri kemm is-suġġett tas-saħħa u s-sigurtà huwa u se jibqa’ rilevanti għal kull settur fid-dinja tax-xogħol anki jekk din qed tinbidel u titrasforma ruħha b’mod imgħaġġel.
Nemmnu li din il-ħidma trid tissokta sabiex ikompli jitwessa’ l-aċċess għat-taħriġ. Fuq kollox nemmnu li huwa importanti li jkompli jissaħħaħ l-għarfien dwar l-improtanza tas-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet kollha tax-xogħol għaliex ikun inutli li r-regolamenti u l-għodod għal ħarsien tas-saħħa u l-ħajja jkunu hemm jekk iżda jibqa ma jsirx użu tagħhom.


