“L-industrija tinsab taħt pressjoni kbira u x’aktarx li aktar ristoranti se jadottaw is-service charge” – il-kok rinomat Sean Gravina

Aqra wkoll

“Tista’ taqbel jew ma taqbilx mas-service charge, iżda l-verità hi li l-industrija tinsab taħt pressjoni kbira u x’aktarx se naraw aktar ristoranti jippruvaw jadottawha”.

Dan kien il-kumment li tana l-kok rinomat u Maniġer Ġenerali ta’ ristoranti Sean Gravina. Dan fid-dawl tal-fatt li f’dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu r-rapporti dwar ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ikel li qed iżidu mal-kont tal-klijenti miżata addizzjonali ta’ 10%, magħrufa bħala service charge.

Dwar dan, huwa irrimarka li jifhem li ħafna nies inħasdu b’din il-miżata u li bħalissa hemm ċerta reżistenza għaliha. Madankollu, fil-fehma tiegħu jaħseb li maż-żmien is-service charge tista’ ssir aktar komuni u eventwalment anke n-norma.

Gravina spjega kif r-realtà hi li l-industrija tal-ospitalità nbidlet ħafna minn dik li kienet 15, 20 jew 25 sena ilu. Semma kif il-kompetizzjoni hija kbira ħafna, filwaqt li l-ispejjeż, fosthom il-kera, il-pagi, il-prodotti u t-taħriġ tal-ħaddiema, komplew jogħlew. Meta persuna tmur tiekol barra, mhix tħallas biss għall-platt tal-ikel, iżda għall-esperjenza kollha: is-servizz, il-post, l-atmosfera u n-nies li jaħdmu biex iwasslu dik l-esperjenza.

Huwa qal ukoll; “Importanti nifhmu wkoll li ristorant mimli mhux bilfors huwa ristorant li qed jagħmel profitt. Ħafna stabbilimenti jidhru li sejrin tajjeb minn barra, iżda fil-verità qed jitħabtu biex ikopru l-ispejjeż u jibqgħu sostenibbli. Għalhekk, xi wħud qed ifittxu modi differenti kif iżidu d-dħul tagħhom, fosthom permezz tas-service charge. Dan ma jfissirx li kull min idaħħalha qed jagħmel dan għax mhux profittabbli, iżda nemmen li f’ħafna każijiet il-pressjoni finanzjarja għandha sehem fid-deċiżjoni”.

Ma’ dan il-ġurnal, Gravina saħaq li personalment, ir-ristoranti li jieħu ħsieb bħalissa ma japplikaw l-ebda service charge u ma hemmx l-intenzjoni li jdaħħluha fil-futur qarib. 

Żied jgħid; “Madankollu, qegħdin f’suq ħieles u kull stabbiliment jista’ jagħżel il-mudell tiegħu, sakemm il-miżata tkun indikata b’mod ċar u trasparenti lill-klijent minn qabel”. 

Tenna jgħid li fl-istess waqt, il-klijent għandu kull dritt jiddeċiedi jekk jaċċettax dak il-mudell u jekk jixtieqx jiffrekwenta dak l-istabbiliment.. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport