Thursday, April 18, 2024

Il-Kabinett japprova reġistru għal min jinstab ħati li abbuża minn persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kabinett tal-Ministri approva li fil-pajjiż jiddaħħal reġistru pubbliku għal min jinstab ħati miil-Qorti li abbuża minn persuni b’diżabilità. Abbuż ta’ kull tip, kemm fiżiku kif ukoll psikoloġiku. U jsir obbligu fuq min imexxi djar għall-persuni b’diżabilità, li qabel jimpjega lil xi ħadd, jara li dan ma jkollux sentenzi fejn instab ħati ta’ abbuż.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt il-ħin tal-aġġornament parlamentari fejn bagħtet messaġġ b’saħħtu li l-ebda abbuż mhu aċċettabbli – fuq ħadd – imma wisq aktar mhux aċċettabbli li l-abbuż isir fuq persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li ma jagħmilx sens li Qorti ssib lil xi ħadd ħati ta’ abbuż, fejn taħdem iwaqqafha, imbagħad din l-istess persuna tmur tapplika quddiem entità oħra u din timpjegaha u titfagħha taħdem ma’ persuni vulnerabbli.

Hija kompliet tgħid li temmen li l-maġġoranza assoluta tal-carers huma persuni responsabbli. “Persuni ta’ żelu li jaħdmu b’tant imħabba mal-persuni b’diżabilità. U nassigurakom li jaraw ukoll ħafna ma’ wiċċhom. Allura iva – kull carer irid ikun imħarreġ għal dawn is-sitwazzjonijiet. U kull carer irid jimxi ma’ protokolli ċar.”

“Nemmen li b’dan il-pass tar-reġistru nkunu qed innaqqsu u nagħlqu toqob li possibilment jistgħu jinqalgħu – u tkun ta’ deterrent għal min l-għajxien tiegħu hu f’dan is-settur. Il-valur sagru f’dan kollu tibqa’ il-protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà – f’kull istanza,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija enfasizzat ukoll li wasal iż-żmien li kull home jkollha cameras mhux biss fil-kurituri kif titlob il-liġi s’issa, imma wkoll fil-komun. Bħala Gvern “bdejna drive” biex iċ-Ċentri kollha tal-Aġenzija Sapport jinstallaw kameras tas-sigurtà – u anke f’kull dar li tmexxi, mhux biss fil-kurituri imma aktar importanti fil-common areas.
Tenniet li tinsab infurmata li l-Awtorità ta’ Standards u Ħarsien Soċjali se tkun qed tirrevedi l-policies tagħha biex dan ikun mandatorju f’kull ċentru u dar oħra nkluż dawk li mhumiex tal-Gvern.

“Nirringrazzja lil kull min jagħti s-sehem tiegħu f’dan is-settur imma b’mod partikolari lill-perusni b’diżabilità nfushom. Qegħdin hawn biex nibqgħu nħobbukom imma nagħtukom il-protezzjoni li hi meħtieġa,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Ekonomija

Sport