Friday, April 26, 2024

Xahrejn ħabs u multa ta’ €3,000 għal Albaniż li rrifjuta li jixhed kontra l-aħwa Muka

Aqra wkoll

Artan Coku, Albaniż ta’ 31 sena kien ikkundannat xahrejn ħabs u multa ta’ €3,000 wara li fil-Qorti huwa rrifjuta li jixhed kontra l-aħwa Muka.

Fil-Qorti ngħad li lura fl-2017, Coku kien tressaq il-Qorti fejn instab ħati li fl-istess sena kien għen lill-aħwa Muka qabel ma twettqet serqa f’ħanut tal-ġojjellerija, Diamonds International, f’Tas-Sliema. Fi Frar tas-sena li għaddiet, huwa kien ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs.

Fil-Qorti ntqal ukoll li ftit tal-jiem wara li seħħ l-każ, il-Qorti ressqet quddiemha lill-Albaniż u lil Daniel Muka. Muka tressaq fil-Qorti bħala wieħed mis-suspettati, iżda wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u Coku tressaq ftit ġimgħat wara li tressaq ukoll Bengtash Muka.

Hekk kif il-Ħamis filgħodu kompla jinstema’ dan il-każ fil-Qorti, l- Albaniż ta’ 31 sena ċaħad li jixhed kontra ż-żewġt aħwa Muka. L-akkużat qal li dan qed jagħmlu minħabba li jibża’ minn retribuzzjoni fil-konfront tiegħu u tal-familjari tiegħu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joesph Gatt, qalet li l-argument ta’ Artan Coku ma tistax tkun ta’ wens minħabba l-fatt li skont il-liġi, din ir-raġuni mhijiex biżżejjed biex huwa ma jixhidx.

Il-Maġistrat Gatt żied jgħid li ma nġiebet l-ebda prova li Coku kien qiegħed jiġi mhedded minn wieħed mill-aħwa Muka.

Sport