Friday, May 3, 2024

4 snin ħabs għal kompliċi fil-hold-up minn Diamonds International fl-2017

Aqra wkoll

Albaniż ta’ 30 sena, iżda li trabba f’Malta ngħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs kif ukoll ġie ordnat iħallas aktar minn €14,500 fi spejjeż tal-qorti. Dan wara li hu stess ammetta li kien kompliċi fil-hold-up li sar minn ħanut tal-ġojjelli f’Tigne f’Tas-Sliema f’Ottubru tal-2017.

Artan Coku, instab ħati li f’din is-serqa kien għen fil-loġistika dwar kif kellha ssir is-serqa minn Diamonds International. Il-ħallelin l-oħrajn Daniel Muka, ħuh Begtash u Ramazan Hysa jinsabu mixlija li serqu b’aktar minn €333,000 f’dehbijiet u ġojjelli.

Skont dak li xehed Coku dawn kellhom jintbgħatu lejn Bari fl-Italja biex wara imbgħad jittieħdu lejn l-Albanija fejn hemm isir il-biegħ tagħhom
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li quddiemha deher l-akkużat qalet li qrat sew it-tliet stqarrijiet li Coku ta lill-Pulizija wara li sema’ li fil-hold-up kien indarab uffiċjal tas-sigurtà.

Coku qal li l-moħħ wara din is-serqa kien Muka u kien ilu jippjanah bejn sitt u 12-il xahar. F’waħda mill-istqarrijiet Coku qal li fis-serqa kien hemm involut wkoll Hysa.

Fl-istqarrija Coku qal mal-pulizija li Muka kien tah struzzjonijiet biex imur Tigne biex imbgħad jagħtihom sinjal li l-ħanut kien miftuħ. Hu sostna li kein mar b’tal-linja għax ried iħaffef, iżda meta wasal, is-serqa kienet diġà saret għax sab persuna mal-art fil-bieb tal-ħanut u ħafna ħġieġ.

Il-ħati qal li kienu għażlu Diamonds International għax kien jaf li f’dak il-ħanut kien hemm ħafna x’tisraq.

Minħabba l-istqarrijiet li ta lill-pulizija li għenu ħafna fl-investigazzjoni, kif ukoll minħabba l-mod kif ikkoperaw mal-istess investigaturi, kif ukoll hekk kif ammetta għal akkużi kontrih, il-Qorti sabet lil Coku ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u bagħtitu erba’ snin ħabs.

Il-Qorti qalet li Coku għandu jħallas terz tal-amont tal-ispejjeż tal-qorti u għalhekk ordnatlu jħallas kważi 14,500 ewro.

Sport