Wednesday, April 24, 2024

IMMIGRAZZJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-problema tal-immigrazzjoni baqgħet magħna u mhijiex se togħsfor malajr. L-inkwiet li tqajjem hu fuq tliet fronti.

L-ewwel il-biża’ dwar li qed jaslu “wisq” immigranti mill-Afrika, mil-Lvant Nofsani u mill-qalba tal-Asja, tant li se jsiru piż fuq il-popli fejn jaslu u joħolqu diżgwid soċjali.

It-tieni għax bejn l-istati Ewropej infushom mhux qed ikun possibbli li jinstab programm wieħed ta’ ħidma dwar kif jistgħu jilqgħu għall-problema b’politika komuni fejn il-piżijiet jinqasmu bejn kulħadd “ugwalment”.

U t-tielet għax il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej imbagħad, qed jaqgħu lura fil-għadd ta’ ħaddiema li l-ekonomiji għandhom bżonn biex ikomplu jsostnu r-rankatura ta’ tkabbir. Għandhom bżonn l-immigranti imma ma jidhirx li jistgħu jirrelataw dan mal-mewġa ta’ nies li deħlin jew li jinġabru mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

Fin-nofs ukoll, għalkemm dil-ħaġa rari tissemma minn politiċi “rispettabbli”, hemm kunsiderazzjonijiet li bla dubju ta’ xejn huma ta’ natura kulturali, biex ma ngħidx razzjali.

AWTONOMIJA STRATEĠIKA

Il-kunċett ta’ awtonomija strateġika għall-Unjoni Ewropea jagħmel sens. Bħala għaqda ekonomika li tiġbor fiha l-akbar suq dinji, l-Unjoni Ewropea għandha kull interess li tiżgura kontroll fuq il-materji primi jew nofshom maħduma li huma vitali għall-industriji u s-servizzi tagħha. Mhijiex biss kwistjoni ta’ sigurtà fiżika u militari, għax kif weriet il-pandemija tal-Covid, kriżi ta’ provisti vitali tista’ titkebbes għal raġunijiet oħra.

Minn din il-perspettiva, hi inizjattiva tajba li l-Ewropa qed tipprova tkabbar il-potenzjal tagħha biex tipproduċi c-chips mikroelettroniċi li huma kruċjali fil-produzzjoni ta’ kompjuters.

L-iżball jew esaġerazzjoni li qed issir f’dal-qasam hu li l-isforz biex tiġi assigurata awtonomija qed jiġi mwessa għall-investimenti li ġejjin minn barra l-Unjoni lejn l-Ewropa u anke viċi versa. Dwar hekk, l-Ewropa ma tridx tispiċċa tnaffar lil ħaddieħor la milli jinvesti fiha, u lanqas milli jħalliha tinvesti għandu. Jew milli jirritalja.

XOGĦOL BL-IRĦIS

Nitkellmu bir-raġun, favur li jeħtieġ niżviluppaw l-ekonomija tagħna fuq il-bażi ta’ xogħol b’valur għoli. Ikun mibni b’teknoloġiji avvanzati u jitħaddem bil-ħiliet ta’ ħaddiema istruwiti u mħarrġa. B’hekk mhux nikkompetu ma’ ħaddieħor b’xogħol tal-irħis imma bi prodott Malti maħdum tajjeb bl-aqwa sengħa.

Għadna ninsabu bogħod sew minn din il-ħolma madankollu. Fil-maġġorparti tagħha l-ekonomija tagħna għadha titwieżen fuq xogħol imħallas bl-irħis. Fejn il-Maltin ma jridux jersqu, qed inġibu l-barranin li lesti jaċċettaw pagi li ma jagħmluhomx sinjuruni.

Kif jintqal tajjeb ukoll, ċavetta li tiftaħ il-bieb lejn ekonomija li toħloq valur dejjem aqwa f’dak li nipproduċu hi l-edukazzjoni. Hawn, saru avvanzi, uħud tajba ħafna. Baqa’ wkoll ħafna u ħafna aktar xi jsir.

Sport