Saturday, May 4, 2024

Il-każi globali ta’ COVID-19 jaqbżu l-40 miljun … esperti tal-fehma li n-numru huwa ferm akbar minn hekk

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-każi kollha ta’ Covid-19 madwar id-dinja issa qabżu l-40 miljun. Dan skont statistika miġbura mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters. L-istatistika ta’ Reuters hija bbażata fuq informazzjoni li kull pajjiż jissottometti.

Għadd ta’ esperti huma tal-fehma li n-numru veru ta’ każijiet huwa ferm ikbar minn hekk u dan minħabba numru ta’ fatturi fosthom rappurtaġġ ħażin minn għadd ta’ pajjiżi u kif ukoll nuqqas ta’ ttestjar.

Id-dejta ta’ Reuters qiegħda turi li l-pandemija qiegħda tkompli tinfirex dan hekk kif hi ħadet biss 32 jum biex il-każi globali żdiedu minn 30 miljun għal 40 miljun. Ċifri perċedenti juru li l-perjodu bejn iċ-ċifra ta’ 20 miljun u 30 miljun kienet ta’ 32 jum filwaqt li bejn 10 miljun u 20 miljun kienet ta’ 44 jum. Għall-ewwel li feġġ il-virus, kellhom jgħaddu tliet xhur biex in-numru ta’ infezzjonijiet jilħqu l-għaxar miljuni.

Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm rekord ta’ każijiet ġodda globali f’ġurnata waħda, fejn f’jum partikolari l-każijiet żdiedu b’400,000. Matul il- ġimgħa li għaddiet kien hemm medja ta’ 347,000 każ ġdid kuljum. Dan huwa numru kbir meta mqabbel mal-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru fejn il-każijiet ta’ kuljum kienu medja ta’ 292,000.

L-Istati Uniti, l-Indja u l-Brażil huma l-iktar pajjiżi affettwati. Il-każijiet fit-Tramuntana, iċ-Ċentru u n-Nofsinhar tal-Amerika jammontaw għal 47.27% tal-każi globali, li huwa kważi n-nofs.

Ġewwa l-Ewropa l-każijiet qegħdin jiżdiedu b’madwar 15,000 kuljum b’pajjiżi bħall-Italja, l-Olanda, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Polonja, l-Ukranja, Ċipru u r-Repubblika Ċeka jirrapportaw l-ikbar numri ta’ infezzjonijiet. Il-każijiet li hemm fl-Ewropa jammontaw għal 17% tal-każi globali, filwaqt li l-imwiet jammontaw għal 22%.

Sport