Thursday, April 25, 2024

Il-każi ta’ Coronavirus fl-Indja jaqbżu l-5 miljuni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-total ta’ każi ta’ Coronavirus fl-Indja issa qabżu l-ħames miljuni, bl-aħħar miljun każ f’dan il-pajjiż ġew irreġistrati fi 11-il jum biss, li huwa rekord dinji.

L-Indja issa għandha 5,020,359 infezzjoni u aktar minn 82,000 mewt. L-uniku pajjiż li għandu iktar każi mill-Indja huwa l-Istati Uniti, 6.7 miljun.

F’dawn l-aħħar jiem, l-Indja kienet qed tirreġistra l-akbar żieda fil-każi fid-dinja u matul il-jum tal-Erbgħa, din iż-żieda kienet ta’ ftit aktar minn 90,000, b’rekord ta’ 1,290 mewt.

Skont dak li ġie rrappurtat fil-midja barranija, dan il-pajjiż ħa 167 jum biex laħaq il-miljun każ, iżda mbagħad it-tieni miljun każ wasal biss fi żmien 21 ġurnata.

Sussegwentement, wara biss 29 ġurnata, l-Indja rreġistrat l-4 miljun infezzjoni u b’hekk saret it-tielet pajjiż li laħaq dak l-ammont ta’ każi.

L-Indja qiegħda tittestja madwar miljun persuna kuljum, iżda ħafna esperti qegħdin jgħiidu li dan mhux biżżejjed u li n-numru veru ta’ infezzjonijiet jista’ jkun ferm ogħla. 

Dan ġie kkonfermat minn diversi studji li saru f’dawn l-aħħar ġimgħat dwar l-‘antibodies’ kontra l-virus fost il-popolazzjonijiet f’New Delhi u Mumbai.

Sport