Friday, April 19, 2024

Ġenituri jistaqsu jekk hux prematur li jinfetħu l-iskejjel … jitolbu l-għajnuna meħtieġa biex jassistu lil uliedhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS), quddiem rata rekord ta’ każijiet ta’ Covid19 temmen li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex tiġi kontrollata din il-firxa u għandha dubji jekk huwiex prematur li l-iskejjel jiftħu għas-sena skolastika ġdida li daqt tibda. 

Din l-Assoċjazzjoni barra li stqasiet jekk il-protokolli maħruġa fit-2 ta’ Settembru humiex effiċjenti biżżejjed biex iħarsu saħħet l-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel, ma tafx jekk l-implementazzjoni tal-istess protokolli hijiex se tkun lesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

F’każ li s-sitwazzjoni preżenti twassal biex l-iskejjel jibdew joperaw skont xenarju 1 fit-30 ta’ Settembru, ċioè tagħlim onlajn, il-MAPSSS qalet li kull skola għandha tgħarraf lill-ġenituri liema pjattaforma diġitali se tintuża għal-lezzjonijiet online biex il-ġenituri jilħqu jippreparaw irwieħhom.

Din l-Assoċjazzjoni talbet ukoll biex:

* Teleworking għall-ġenituri: Ikun hemm sistema li tesiġi li ġenituri li jaħdmu jibqgħu d-dar biex jassistu lil uliedhom fit-tagħlim onlajn jeħtieġ li tiġi diskussa mal-Assoċjazzjonijiet ta’ Min Iħaddem biex ikun żgurat li l-ġenituri jingħataw l-opportunità ta’ telework fejn possibbli u li ebda azzjoni dixxiplinarja ma tittieħed kontra ġenituri li ma jistgħux jagħmlu telework.

* Aċċess għat-tagħlim online: Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jiżgura li jilħaq b’mod effettiv lil dawk l-istudenti li “għebu” minn meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu. Għandu jkun żgurat li tfal żvantaġġjati, inkluż tfal ta’ familji bi dħul baxx u tfal immigranti fiċ-ċentri miftuħa, ikollhom aċċess għas-software, apparat u aċċess għall-internet biex jibbenefikaw minn edukazzjoni onlajn.

* Ċentri għat-tfal ta’ ġenituri li jaħdmu: L-MEDE għandha tiżgura li tfal ta’ frontliners u edukaturi jkunu pprovduti kura adegwata u l-organizzazzjoni neċessarja li tippermettilhom isegwu l-kurrikulu waqt li l-ġenituri tagħhom qegħdin fuq ix-xogħol tagħhom.

* Għajnuna għas-saħħa mentali tal-istudenti: Jitwaqqaf b’mod immedjat il-Mental Healtcare Support Unit biex jindirizza l-inċertezza u l-ansjetà li qegħdin iħossu l-istudenti.

* Posponiment tax-xiri tal-uniformijiet il-ġodda: L-introduzzzjoni mandatorja ta’ uniformijiet ġodda fi-KG1 u s-snin 1, 7 u 9 tiġi posposta. Minbarra l-fatt li xi ġenituri qegħdin jesperjenza diffikultajiet finanzjarji minħabba l-pandemija, għandu jkun evitat li ġenituri jinġabru fi kju quddiem l-uniku stabbiliment li qiegħed ibigħ l-uniformijiet b’mod speċjali meta ma nafux meta u jekk l-iskejjel humiex se jiftħu.

Sport