Wednesday, April 24, 2024

Il-kesħa tax-xitwa mistennija jkollha rwol kruċjali fil-gwerra fl-Ukrajna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Konflitt li issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar disa’ xhur li rriżulta fi gwerra qerrieda bejn ir-Russja u l-Ukrajna dieħel f’fażi partikolari minħabba li t-temperaturi tax-xitwa f’dan il-pajjiż huma baxxi ħafna. Bejn min qiegħed jaħseb li l-kesħa u s-silġ se jintużaw stratiġakement mill-Ukreni u bejn min qiegħed jinsisti li r-Russi huma b’vantaġġ f’dan it-tip ta’ kundizzjonijiet ambjentali estremi, analisti tal-gwerra jemmnu li l-kesħa ta’ din ix-xitwa se jkollha rwol importanti f’din il-gwerra li kulħadd qiegħed jgħodd il-ġranet biex fl-aħħar tintemm.

Gwerra tintemm b’żewġ modi. Wieħed bi ftehim paċifiku li kulħadd jittama li jintlaħaq mentri l-ieħor, li jiġi bi prezz qares, jiġiifieri b’naħa rebbieħa u oħra telliefa. Proprju rigward in-naħa telliefa, kulħadd jaf li fl-aħħar mill-aħħar it-telliefa veri huma l-vittmi tal-konflitt. Vittmi li skont l-amminstrazzjoni Amerikana, se jkunu l-Ukreni minħabba li ttimbraw il-kampanja Russa bħala waħda “barbarika” b’mira li “tiffriża u toqtol bil-ġuħ” lil dan il-poplu.

It-tattika mħaddna mir-Russja li, min-naħa tagħhom diversi rapporti u analisti kkonfermaw li ppruvaw jilħqu ftehim ta’ paċi f’April li għadda, hija dik li jkissru l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna. Jekk ir-Russja jirnexxielha tikseb dan, il-poplu Ukren ikollu diversi sfidi minħabba l-kesħa. 

Minn għadd ta’ filmati u rapporti, minn mindu bdiet din l-invażjoni Russa, l-Ukrajna nbidlet kompletament tant li hija deskritta mill-ġurnalisti fil-post bħala “xena ta’ żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija”. Id-djar, toroq u bliet huma mġarrfa mentri l-infrastrutturi prinċipali jekk ma sarux terrapin, huma fil-maġġorparti tagħhom wieqfa jew b’servizzi limitati ħafna.

L-alleati tal-Punent ikomplu jibagħtu l-armi…

Bi preparazzjoni jew aħjar offensiva għal dan ir-riskju, uffiċjali Ukrenii u l-alleati tal-Punent żiedu l-ħidma għal aktar armamenti sofistikati fi kwantitajiet kbar, kif ukoll apparat u installalzzjonijiet apposta fosthom tined insulati biex jistkennu n-nies fihom.

Il-“Los Angeles Times” fir-rigward irrapporta li uffiċjali Amerikani u tal-Alleanza Nazzjonali (NATO) laqgħu t-talbiet tal-armata Ukrena b’donazzjoni ta’ madwar €40 biljun f’armamenti u apparat militari ieħor. Min-naħa tagħha l-Istati Uniti ħabbret ukoll li se tkompli tgħin lill-gvern Ukren b’pakkett finanzjarju għall-enerġija li jabeż il-€53 miljun.

Is-Segretarju tal-Istat, Anthony J. Blinken ħabbar li, “dawn l-għajnuniet huma mistenniija li jaslu fl-Ukrajna fi żmien ftit ġranet” fejn żied jgħid li pajjiżu issa se jikkonċentra li jgħin b’sistemi aktar sofistikati għad-difiża tal-ajru. Dan minħabba li skont il-kelliem tal-White House, John F. Kirby, l-Ukrajna għandha ħtiġijiet differenti minn dawk li kellha fil-bidu tal-gwerra fi Frar li għadda minħabba li din il-gwerra “evolviet” f’attakki ta’ infrastrutturi ċivili u għaldaqstant difiża mill-ajru hija kkonsidrata bħala kruċjali.

Min-naħa l-oħra, l-għola uffiċjal militari fl-Istati Uniti, il-Ġeneral Mark A. Milley li huwa ċ-chairman tal-Joint Chiefs of Staff, qiegħed jissuġerixxi li l-Ukrajna għandha tipprova tilħaq ftehim illum qabel għada, proposta li l-President Biden u uffiċjali għolja oħra Amerikani mill-ewwel warbu fil-ġenb.

L-istess oppożizzjoni għal negozjati ta’ paċi kienet imtennija mill-President Ukren, Vlodomir Zelensky li saħaq li huwa lest li jinnegozja biss mal-president li jmiss tar-Russja, jiġifieri fi kliem sempliċi, meta Putin ma jibqax fil-poter. 

Sadanittant, hekk kif il-kundizzjonijiet klimatiċi fil-kamp tal-battalja qegħdin jiħraxu minħabba l-kesħa, analisti u uffiċjali jemmnu li l-armata Ukrena se tkompli tiġġieled fix-xhur tax-xitwa bil-għan li terbaħ lura territorji kkontrollati mir-Russja li jammontaw għal madwar 20% tal-pajjiż. 

Sport