Thursday, April 18, 2024

Il-Knisja b’surplus ta’ €3.4 miljuni fl-2021n … jiżdied id-dħul mill-ġbir fil-parroċċi

Aqra wkoll

Il-Knisja f’Malta għalqet is-sena li għaddiet b’surplus ta’ €3.4 miljuni. Dan kien riżultat tad-dħul tad-dividend mill-APS Bak wara nuqqas ta’ sena, minn bejgħ ta’ proprjetà u minn titjib fil-ġbir fil-parroċċi. 

Dawn iċ-ċifri ħarġu f’konferenza stampa mogħtija mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross li qal li l-Knisja bdiet tikrupra mill-effeti negattivi ta’ natura finanzjarja li ħalliet il-pandemija. Minkejja dan, huwa sostna li din is-sena l-Knisja għaddejja minn perjodu iebes kaġun tal-inflazzjoni u tal-effetti li ġabet magħha l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. 

Ir-riżultati finanzjarji għall-2021 juru li l-Arċidjoċesi rreġistrat żieda fid-dħul ta’ €6.9 miljuni. Minkejja li l-ġbir mill-knejjes ma laħaqx il-livelli ta’ qabel il-pandemija, kien hemm żieda ta’ 26% fid-dħul mill-ġbir tal-parroċċi. Dan meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 40% fl-2020 fejn il-knejjes kienu magħluqa għal tliet xhur.

Ġew irreġistrati wkoll żidiet fid-dħul minn donazzjonijiet, kirjiet ta’ proprjetà, attivitajiet ta’ fundraising u minn fondi pubbliċi partikolarment għall-finanzjament tas-salarji tal-iskejjel tas-Seminarju u l-Kulleġġ Sacred Heart li huma mmexxija mill-Arċidjoċesi. 

Iż-żieda fit-turisti ħalliet impatt pożittiv fuq id-dħul tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u l-Bażilika tal-Mosta, b’żieda ta’ 18% fil-viżitaturi fil-Bażilika tal-Mosta fuq l-2020. Kuntrarju għal din iż-żieda kien hemm tnaqqis fid-dħul minn wirjiet u mill-miżati tad-djar tal-anzjani peress li għadd ta’ sodod kellhom jinżammu vojta minħabba l-pandemija f’każ ta’ emerġenza. 

L-Arċidjoċesi rreġistrat żieda fl-infiq ta’ €4.5 miljuni fuq is-sena ta’ qabel. Żewġ terzi tal-ispiża totali marret għall-pagi tal-kleru u l-lajċi. L-ispejjeż tal-operat, inkluż fuq manutenzjoni, restawr u konservazzjoni naqsu b’€440,000 filwaqt li kien hemm żieda ta’ 17% fid-donazzjonijiet li ngħataw lill-persuni fil-bżonn għal totali ta’ €560,000. L-ammont ta’ taxxa mħallas mill-Arċidjoċesi kien ta’ €1.8 miljuni. 

Matul l-2021, l-Arċidjoċesi kompliet tibbenefika mill-għajnuna mogħtija mill-Gvern permezz ta’ skemi relatati mal-Covid-19 fosthom il-wage supplement u l-leave tal-kwarantina. Din ammontat għal ftit aktar minn €1.2 miljuni. 

Il-Kurja tal-Arċisqof, fejn issir it-tmexxija amministrattiva u pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, irreġistrat telf ta’ kważi €2 miljuni meta mqabbel mad-defiċit ta’ €4.5 miljuni fis-sena ta’ qabel. 

Dan wara li ngħataw sussidji ta’ €631,000 lil diversi entitajiet biex ikomplu bil-ħidma pastorali u soċjali tagħhom. Id-dħul tal-Kurja żdied b’€4 miljun fuq l-2020, primarjament mid-dividend mogħti mill-APS Bank. 

L-infiq żdied ukoll għal €10 miljun. B’riżultat ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Kurja, li kien pospost mill-2020 minħabba l-pandemija, is-salarji żdiedu b’17% biex ikunu aktar kompetittivi mas-suq. 

Id-donazzjonijiet mogħtija lill-persuni u l-familji fil-bżonn żdiedu minħabba d-diffikultajiet li għaddew minnhom waqt il-pandemija. It-taxxa mħallsa mill-Kurja kienet ta’ madwar €480,000. 

Sadanittant, is-Sur Pace Ross semma diversi proġetti li saru jew qed isiru biex il-Knisja tkompli bil-missjoni tagħha u tkun qrib dawk l-iktar fil-bżonn. Fost dawn l-inizjattivi hemm: iċ-ċentru terapewtiku Tal-Ibwar mill-Caritas, l-investiment fid-djar fis-Siġġiewi u Birkirkara mmexxija mid-Dar tal-Providenza, it-tqassim tal-ikel mill-parroċċi lill-individwi fil-bżonn, il-proġett ‘Kenn’ mill-Kummissjoni Migranti, it-tagħlim tal-katekiżmu li beda jsir online, u proġetti ambjentali fid-Dar tal-Kleru u s-Seminarju. 

Ekonomija

Sport