Sunday, May 5, 2024

Il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti bdew l-itwal taħriġ militari li sar bejniet­hom f’dawn l-aħħar snin

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti bdew l-itwal taħriġ militari li sar bejniet­hom f’dawn l-aħħar snin. Dan qiegħed isir fl-isfond ta’ possibbiltà ta’ iktar testijiet fuq armi min-naħa tal-Korea ta’ Fuq. 

It-taħriġ militari konġunt, li ngħata l-isem ta’ Ulchi Freedom Shield, mistenni li jibqa’ sejjer sal-1 ta’ Settembru li ġej. Kienu bosta dawk li wrew it-tħassib tagħhom rigward dan it-taħriġ militari hekk kif dawn qed isiru wara li l-President il-ġdid tal-Korea t’Isfel Yoon Suk-yeol kien qal li se “jinnormalizza” t-taħriġ militari konġunt filwaqt li kien qal li se jsaħħaħ id-deterrent kontra l-Korea ta’ Fuq. 

Apparti t-taħriġ konġunt mal-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel se jkun qiegħda twettaq ukoll taħriġ lokali biex il-gvern ikun ippreparat għal modi moderni ta’ kif tista’ ssir il-gwerra llum il-ġurnata fosthom taħriġ kontra attakki bl-internet fuq impjanti u infrastruttura importanti. 

Min-naħa tiegħu il-mexxej tal-Korea t’Isfel qal li l-paċi fil-peniżola Koreana jista’ jintlaħaq biss jekk ikun hemm sens sigurtà u għalhekk qed isir dan it-taħriġ. Dan it-taħriġ huwa l-ikbar wieħed mill-2017 ’il hawn, u dan hekk kif fl-aħħar snin it-taħriġ tnaqqas minħabba l-Covid-19 kif ukoll minħabba li l-predeċessur ta’ Yoon ried li jibda diskussjonijiet mal-Korea ta’ Fuq. Pyongyang tikkunsidra dan it-taħriġ bħala theddida diretta hekk kif din tarahom bħala taħriġ qabel l-invażjoni. 

Sport