Sunday, October 6, 2024

Il-Korp tal-Pulizija jiffirma ftehim ta’ skambju kollaborattiv mal-IACP u l-Ministeru tal-Intern tal-Emirati Għarab Magħquda

Aqra wkoll

Nhar l-1 ta’ Ottubru, il-Kummissarju Angelo Gafà, f’isem il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, iffirma ftehim ta’ skambju kollaborattiv mal-International Association of Chiefs of Police (IACP), il- Ministeru tal-Intern tal-Emirati Għarab Magħquda u sitt aġenziji oħra tal-pulizija, inkluż il-Los Angeles Police Department, tal-Istati Unit, l-Arizona Department of Public Safety, tal-Istati Uniti u l-Peel Regional Police tal-Kanada. Dan il-ftehim se joffri opportunitajiet ta’ programmi ta’ skambju futuri fl-Emirati, kif ukoll qsim ta’ informazzjoni, riżorsi u prattiċi promettenti.

Preċedentement, ftehim simili kien iffirmat minn ħames aġenziji oħra, inkluż it-Toronto Police Service tal-Kanada u Las Vegas Metropolitan Police Department tal-Istati Uniti.

L-IACP, l-akbar u l-aktar assoċjazzjoni professjonali influwenti fid-dinja għall-mexxejja tal- pulizija, irrikonoxxiet lil dawn is-sitt aġenziji, fosthom il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, għall- impenn kontinwu lejn il-professjonalizzazzjoni u l-avvanz tal-pulizija globalment.

Dan il-ftehim isegwi l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija Maltin fi programmi ta’ taħriġ tal-pulizija li saru fl-Emirati Għarab Magħquda aktar kmieni din is-sena. Fi Frar 2024, l-Ispettur tal-Pulizija Raymond Joseph Azzopardi temm b’suċċess programm ta’ ħames xhur taħriġ għall-kadetti fl-Abu Dhabi Police College, ġewwa Abu Dhabi, fl-Emirati. It-taħriġ kien jinkludi 35 uffiċjal minn 14-il pajjiż differenti, bl-Ispettur Azzopardi jkun rikonoxxut bħala l-Best Overall Male International Officer.

Bl-istess mod, is-Surġent Jan Saliba, f’Mejju 2024 temm b’suċċess programm ta’ 16-il ġimgħa, li wassal għal Diploma in Police Innovation and Leadership. Dan il-kors kien organizzat mid-Dubai Police General Command, b’kollaborazzjoni mar-Rochester Institute of Technology (RIT) ġewwa Dubaj.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport