Sunday, November 24, 2024

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiċċara li l-kulur ħadrani f’Balluta Bay mhuwiex drenaġġ

Aqra wkoll

Minn investigazzjoni illi saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) dwar il-kulur ħadrani fil-bajja tal-Balluta fi tmiem il-ġimgħa, irriżulta li dan ma kienx ġew mis-sistema tad-drenaġġ.

Kienet il-korporazzjoni nnifisha li kkonfermat dan fuq Facebook, wara li fuq il-midja soċjali kien hemm allegazzjonijiet li l-kulur tal-ilma kien riżultat ta’ drenaġġ li kien ġej min-netwerk tal-Korporazzjoni.

Hija spjegat li meta nizjalment irċeviet rapporti ta’ kontaminazzjoni, il-Korporazzjoni immedjatament bdiet investigazzjoni biex tiddetermina s-sors u l-firxa tal-problema. Mill-investigazzjoni illi saret, irriżulta li mina tal-ilma tax-xita fl-inħawi kienet tinstab fi stat ferm ħażin, bir-riżultat li xi kontaminanti kienu sejrin direttament fil-Bajja tal-Balluta.

Ġie irrimarkat kif il-ħaddiema tal-KSI ħadu l-azzjoni meħtieġa biex inaddfu u jibnu mill-ġdid partijiet tal-mina tax-xita. Madankollu, minħabba l-istat ħażin tal-mina, il-proċess ta’ tindif ħa ammont sinifikanti ta’ ħin. Dan sabiex jiġi assigurat li t-tindif u rikostruzzjoni qed jsiru bir-reqqa meħtieġa.

Il-KSI qalet jiddispjaċiha għal dak li ntqal fuq il-midja soċjali u ħeġġet lill-pubbliku sabiex joqgħod attent minn kummenti inkorretti minn sorsi mhux affidabbli. Hija biss dik l-informazzjoni li tkun ipprovduta mill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni tat-tali inċidenti li għandha titqies bħala kredibbli mill-pubbliku.

Tenniet li f’dan l-istadju, l-awtoritajiet ikkonċernati se jiddeterminaw meta l-bajja se tkun miftuħa mill-ġdid, ladarba jitlestew it-testijiet meħtieġa. Il-Korporazzjoni irringrazzjat mill-qalb il-ħaddiema kollha li ħadmu bla heda, taħt kundizzjonijiet diffiċli, biex isolvu din il-kwistjoni.

Sport