Minn Cristian Muscat
Sliema Beach Soccer Club huma ċ-champions tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Beach Soccer tal-Irġiel wara li fil-finali fil-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa, għelbu lil La Playa de Arena 3-1 wara l-ħin barrani f’konfront intensiv u bilanċjat li dam sejjer għal 36 minuta regolamentari.
Il-logħba kienet waħda mill-aktar finali kompetittivi tal-istaġun, b’żewġ timijiet li ħolqu numru ta’ okkażjonijiet matul il-partita u li temmew il-ħin regolamentari fi draw ta’ 1-1.
Kien biss fil-ħin barrani li Sliema rnexxielhom jagħmlu d-differenza b’żewġ gowls li ssiġġillaw ir-rebħa u kkonfermaw id-dominanza tagħhom fuq ir-ramel.
Sliema marru fil-vantaġġ permezz ta’ Mantas Makutunovicius, li dar tajjeb fl-azzjoni u b’xutt preċiż għeleb lill-goalkeeper Jonathan Grech. La Playa de Arena wieġbu meta ngħataw freekick, b’Karl Caruana jiskorja l-gowl tad-draw u jżomm il-konfront miftuħ sal-aħħar.
Fil-ħin barrani, Sliema reġgħu ħadu l-kontroll. Makutunovicius reġa’ sab ix-xibka biex wettaq doppjetta personali, qabel ma’ l-plejer veteran Mark Camilleri issiġġilla r-rebħa finali b’gowl li qajjem ċelebrazzjonijiet kbar fil-bank ta’ Sliema.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Malta Beach Soccer Association Mauro Camilleri Darmanin ippreżenta t-trofew lill-captain Matthew Agius, hekk kif Sliema reġgħu kkonfermaw ruħhom bħala champions nazzjonali.
Dan it-titlu jikkonferma staġun ieħor pożittiv għal Sliema Beach Soccer, li mhux biss iddefendew it-titlu nazzjonali iżda komplew juru l-konsistenza tagħhom fil-kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali.
Il-klabb kien ukoll involut fil-Euro Winners Cup, fejn kiseb l-ewwel rebħa storika għal klabb Malti f’dan il-livell, pass importanti għall-iżvilupp tal-isport fuq livell nazzjonali.
Dan kollu qed jiġri f’xena sportiva tal-Beach Soccer li qed tikber b’rata mgħaġġla f’Malta,
kemm f’termini ta’ parteċipazzjoni kif ukoll ta’ kwalità teknika.
Wieħed mill-plejers ewlenin tal-kampjonat kien bla dubju l-attakkant Litwan Mantas Makutunovicius, li mhux biss skorja doppjetta fil-finali iżda kien ukoll wieħed mill-aktar plejers konsistenti matul ix-xahar ta’ Ġunju kollu.
Makutunovicius, li hu internazzjonali mal-Litwanja fil-beach soccer, għandu karriera estensiva fl-Ewropa u huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar attakkanti prolifiċi fuq ir-ramel. Huwa beda fil-futbol tradizzjonali qabel m’għamel it-tranżizzjoni għall-beach soccer, fejn sab il-livell tiegħu bħala plejer elite.
Tul il-karriera tiegħu, huwa lagħab ma’ diversi klabbs f’pajjiżi differenti, inkluż Litwanja, Estonja, Latvja, Polonja u Ġappun, fejn rebaħ diversi unuri u kiseb reputazzjoni bħala plejer versatili iżda ta’ impatt kbir kull fejn jilgħab.
F’intervista li ta lil dan is-sit wara r-rebħa, Makutunovicius wera s-sodisfazzjon tiegħu kemm bir-riżultat kif ukoll bl-esperjenza tiegħu f’Malta.
“L-ewwelnett ngħid grazzi lil Sliema talli stednuni. Dan l-istaġun għamilna ħafna. Ħadna sehem fil-Euro Winners Cup u saħansitra ksibna l-ewwel rebħa qatt għal klabb Malti f’dak il-livell.” huwa qal.
Makutunovicius saħaq ukoll fuq id-differenza pożittiva li sab fil-livell organizzattiv u l-intensità tal-kampjonat Malti meta mqabbel ma’ kompetizzjonijiet oħra li ħa sehem fihom. Hu qal li l-ambjent f’Malta huwa wieħed professjonali u li jħoss li l-isport qed jieħu aktar serjetà minn sena għal oħra, kemm mill-klabbs kif ukoll mill-amministraturi.
Żied jgħid li esperjenzi bħal dawk tal-Euro Winners Cup jgħinu biex il-plejers jitgħallmu aktar u jiżviluppaw, speċjalment meta jilagħbu kontra timijiet ta’ livell għoli. Hu temm billi qal li jħossu motivat biex ikompli jikkontribwixxi u jgħin fit-tkabbir tal-beach soccer fejn jilgħab.
Hu semma wkoll li din kienet it-tieni darba tiegħu jilgħab fil-kampjonat Malti tal-Beach Soccer, u saħaq fuq il-progress tal-isport:
“Il-beach soccer f’Malta qed jikber. Il-kampjonat qed isir aktar b’saħħtu u l-livell tal-kompetizzjoni qed jitjieb kull sena. Malta huwa pajjiż sabiħ ħafna u nittama li nerġa’ niġi.”
Makutunovicius faħħar ukoll lill-klabb tiegħu u l-esperjenza ġenerali:
“Jien kuntent ma’ Sliema, nirringrazzjahom tal-fiduċja tagħhom. Irbaħna l-kampjonat u kien staġun tajjeb ħafna għalina.”
Wara l-finali, ġew ukoll ippremjati l-aqwa plejers tal-kampjonat. Makutunovicius ġie vvutat ukoll bħala l-aqwa plejer tal-kampjonat tal-irġiel, rikonoxximent li jikkonferma l-impatt tiegħu matul il-kompetizzjoni.
Fil-kategorija tal-goalkeepers, l-unur mar għand Jonathan Grech ta’ La Playa de Arena, li kien wieħed mill-aktar plejers konsistenti fit-turnew.
Fl-istess waqt, l-unur tal-aqwa skorers fil-kampjonat inqasam bejn Ayoub Ahmad ta’ WA Agency u Mario Dominicus ta’ Costa Viola, li t-tnejn spiċċaw b’24 gowl kull wieħed.
Ir-riżultat ta’ Sliema u l-prestazzjoni ta’ plejers bħal Makutunovicius jindikaw direzzjoni pożittiva għall-beach soccer f’Malta. Il-livell qed jiżdied, il-kompetizzjoni qed issir aktar bilanċjata, u aktar plejers internazzjonali qed jagħżlu li jieħdu sehem fil-kampjonat lokali.
Għal Sliema, dan it-titlu jikkonferma mhux biss suċċess iżda wkoll kontinwità f’sistema li qed tibni fuq esperjenza u ambizzjoni. Għal Makutunovicius, huwa staġun ieħor ta’ suċċess internazzjonali f’karriera li tibqa’ tinfirex madwar diversi pajjiżi.
F’Birżebbuġa, waqt l-iljieli sajfin, Sliema reġgħu kienu l-aqwa fuq ir-ramel iżda l-istorja tal-beach soccer Malti tidher li għadha biss qed tibda tikteb il-kapitli l-aktar importanti tagħha.


