Thursday, April 25, 2024

“Il-kredibbiltà ta’ Grech din id-darba misset il-qiegħ” – il-PL

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista qal li fi ftit jiem Bernard Grech bidel il-verżjoni tiegħu stess taħt fuq dwar il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-Covid-19.

Il-PL innota kif fit-8 ta’ Jannar qal li kien favur ir-regoli l-ġodda iżda llum bidel kliemu stess u qed jgħid li għandhom jiġu rtirati.

Fi stqarrija, il-PL qal li dan huwa Kap tal-Oppożizzjoni perikoluż fuq il-qasam tas-saħħa kif inhu fuq l-ekonomija. Innotaw kif dak li jgħid illum jista’ jinbidel l-għada u allura ma jistax jitwemmen.

Fi kliem il-PL, dan hu prova ta’ kif Bernard Grech qed jilgħab logħob politiku partiġġjan bl-issue tal-Covid-19 u l-PL qal li l-kredibbiltà tiegħu din id-darba misset il-qiegħ.

Il-PL qal: “Meta Bernard Grech kien mistoqsi b’mod ċar jekk jendorsjax ir-regoli l-ġodda tal-vaċċin li se jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, kien ċar fit-tweġiba tiegħu meta qal “iva nibqgħu nendorsjaw id-deċiżjonijiet uffiċċjali.” Skontu, għax l-awtoritajiet tas-saħħa jifhmu u għandhom l-informazzjoni.”

Żied jgħid: “Iżda, ftit wara qed jgħid li għandhom ikunu rtirati għal kollox. Bernard Grech idawwar fehmtu bħal qasba tixxejjer mar-riħ f’logħba ta’ populiżmu minflok f’dan il-mument jiffoka biex iħeġġeġ lil kulħadd jieħu l-booster kif qed jagħmlu l-iktar mediċi u professuri prominenti li għandna f’pajjiżna.”

Il-Partit Laburista appella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jibqgħu jiddjalogaw mal-imsieħba soċjali u fejn meħtieġ ikunu ndirizzati kwistjonijiet ġenwini.

Fl-istess ħin il-PL qal li għandhom jibqgħu jmexxu l-kampanja ta’ vaċċinazzjoni bil-għan li fi żmien li ġej ikompli jirkupra mill-effetti tal-pandemija.

“Iktar man-nies jitlaqqmu, iktar nattakkaw il-virus u nnaqsu r-restrizzjonijiet. Il-Gvern dejjem wera li qatt ma kien favur restrizzjonijiet żejda u m’hemmx dubju li anke f’dan il-mument qiegħed jinsisti biex kulħadd jieħu l-vaċċin għax il-vaċċi ta ħajja eqreb lejn in-normalita’ u bil-booster isiru passi oħra ‘l quddiem,” temm jgħid il-PL.

Sport