Wednesday, April 24, 2024

AFCON: Kaos fil-partita bejn it-Tuneżija u Mali

Aqra wkoll

Meta l-bieraħ intlagħbet ir-raba’ ġurnata tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, il-partita bejn it-Tuneżija u l-Mali kienet karatterizzata minn kontroversja u spiċċat f’kaos meta r-referee saffar tmiem il-partita darbtejn qabel id-90 minuta. 

Kien fil-85 minuta meta r-referee minn Zambja, Janny Sikazwe, saffar tmiem il-logħab hekk kif Mali kienu qed jirbħu 1-0, b’penalty skorjat minn Ibrahima Kone (48). 

Dak il-ħin, l-istaff tekniku tat-Tuneżija ħarġu jipprotestaw biex ikkonvinċew lir-referee jkompli l-partita. Fis-87 minuta, ġie mkeċċi El Bilal Toure ta’ Mali u minkejja li l-VAR daħlet fix-xena, l-istess referee injoraha biex baqa’ mad-deċiżjoni tiegħu, fost protesti kbar mill-kamp ta’ Mali. 

Imbagħad huwa saffar tmiem il-partita fid-89 minuta fost protesti kbar min-naħa tat-Tuneżija fejn saħansitra l-uffiċjali tas-sigurtá daru mar-referee biex jipproteġuh minħabba r-rabja tat-Tuneżini. 

Il-farsa kompliet meta 20 minuta wara tmiem il-partita, waqt li l-coach ta’ Mali, Mohamed Magassouba, kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, l-orga­nizzaturi ordnaw lill-players biex jerġgħu joħorġu fil-ground biex il-partita jkollha t-tmiem tagħha … fejn kellha tingħata l-minuta kif ukoll il-ħin miżjud. 

Iżda l-players tat-Tuneżija ma riedux joħorġu fuq il-pitch biex Mali ġew dikjarati r-rebbieħa. 

Il-coach tat-Tuneżija, Mondher Ke­baier, staqsa kif setgħu jsejħu lill-players lura biex titkompla l-partita wara li r-re­feree nnifsu bagħathom fid-dressing room u kulħadd kien qed jinħasel. “Din hija ġennata … farsa kbira,” huwa qal. 

Għall-kronaka tal-istess partita, fis-77 minuta, it-Tuneżija setgħu kisbu d-draw meta ngħataw penalty iżda Wahbi Khazr falla mill-11-il metru. 

Fil-partita l-oħra, Gambja għelbu lill- Mawritanja bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Ablie Jallow (10).  

Sport