Il-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma fiċ-ċentru hekk kif ikompli l-kontro-eżami

Aqra wkoll

Il-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma mill-avukat tad-difiża Gianella de Marco mistenni jkompli llum, wara seduta ilbieraħ li poġġiet taħt skrutinju l-kredibbiltà tax-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni.

Il-qofol tal-kontro-eżami s’issa kien il-kontradizzjonijiet bejn dak li Theuma qal f’okkażjonijiet differenti, ir-recordings li għamel, il-messaġġi tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ persuni fosthom Yorgen Fenech, Keith Schembri, Johann Cremona, Kenneth Camilleri u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Theuma ammetta li f’ċerti każijiet kien gideb jew kien qed “jibbluffja”, inkluż dwar dak li qal dwar Schembri u Cutajar. Minkejja dan, baqa’ jinsisti b’mod kategoriku li Schembri ma kellu ebda involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li, għalih, Fenech huwa l-“mastermind” tal-assassinju.

Il-messaġġi u r-recordings kienu wkoll fil-qalba tal-mistoqsijiet tad-difiża, partikolarment dwar kif Theuma seta’ jkollu informazzjoni dwar investigazzjonijiet u rejds tal-Pulizija qabel ma dawn iseħħu, minkejja li llum qed jgħid li parti mill-affarijiet li qal dak iż-żmien kienu biss bluff.

Fost il-punti li għadhom pendenti hemm ukoll ir-relazzjoni ta’ Theuma ma’ Johann Cremona u Edwin Brincat ‘il-Ġojja’, kif ukoll il-mod kif l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet kienet tasal għandu.

Il-maħfra presidenzjali ta’ Theuma tibqa’ wkoll suġġett ewlieni. Huwa qal li beda jirrealizza li seta’ jikseb maħfra meta Yorgen Fenech qallu li Vincent Muscat ‘il-Koħħu’ kien se jingħata waħda, u sostna li kien f’dak il-punt li beda jagħmel ir-recordings.

Id-difiża mistennija tkompli tibni fuq dawn il-punti hekk kif tfittex li tpoġġi f’dubju kemm Theuma jista’ jiġi fdat, filwaqt li x-xhud jibqa’ jsostni l-verżjoni tiegħu dwar ir-rwol ta’ Fenech fil-qtil.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport