Il-bord tad-diretturi tal-kumpanija ġganteska Ġrmaniża Volkswagen approva pjan biex jitnaqqsu 50,000 impjieg ieħor, bħala parti minn proċess akbar ta’ ristrutturar fl-istorja tal-grupp li tifrex fuq kważi disgħajn sena. B’hekk, in-numru totali ta’ impjiegi li l-kumpanija biħsiebha tneħħi sal-2030 tela’ għal 100,000, wara li f’Marzu kienet ħabbret l-ewwel tnaqqis ta’ 50,000 impjieg.
Il-grupp – li jinkludi l-mudelli Audi, Porsche u Skoda kif ukoll il-Volkswagen – qed jikkunsidra wkoll il-futur ta’ erba’ mill-impjanti tiegħu fil-Ġrmanja.
Din il-mossa hija “sinjal qawwi” għall-futur tal-kumpanija, li qed terfa’ r-responsabbiltà għall-forza tax-xogħol kollha tagħha, stqarr il-Kap Eżekuttiv ta’ VW, Oliver Blume, fi stqarrija nhar il-Ħamis. F’Lulju, l-istess Blume kien diġa qal li l-kumpanija kienet qed tikkunsidra li tagħmel dan it-tnaqqis addizzjonali.
Il-kumpanija ħabbret ukoll li sal-2035 se tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mudelli ta karozzi li tipproduċi u tnaqqas il-kumplessità tal-firxa ta’ prodotti tagħha b’75%. Il-VW se tipprijoritizza l-aktar vetturi attraenti tagħha u tagħmel aktar minn kull mudell, li se jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż.
Żiedet tgħid li “aġġustament tal-forza tax-xogħol fil-grupp kollu ta’ madwar 50,000 pożizzjoni – inklużi rwoli maniġerjali – se jkun neċessarju.” Il-kumpanija qed tiżen ukoll għażliet għal operazzjonijiet f’Emden, Zwickau, Hanover u Neckarsulm, fejn qalet li l-kapaċità tal-produzzjoni taqbeż id-domanda.
Sa sena ilu, il-VW kienet timpjega aktar minn 660,000 persuna madwar id-dinja. Il-karozzi tagħha jinkludu wkoll lil Seat, Bentley u Lamborghini. Il-mudell Golf intlaqat minn tnaqqis fil-profitti kawża ta’ bejgħ aktar baxx u kompetizzjoni ħarxa, speċjalment minn ditti Ċniżi.
Il-profitti ta’ VW naqsu drastikament f’dawn l-aħħar snin, affettwati mit-tnaqqis fil-bejgħ fiċ-Ċna, li darba kienet waħda mill-akbar swieq tagħha.
Il-manifatturi Ċniżi tal-karozzi ilhom jespandu b’mod aggressiv hekk kif jintroduċu teknoloġiji ġodda, filwaqt li jibbenefikaw minn spejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħhom.
F’dawn l-aħħar snin, kumpaniji bħal BYD raw żieda qawwija fil-bejgħ tagħhom fi swieq li jinkludu r-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u x-Xlokk tal-Asja.


