Tuesday, April 23, 2024

IL-KUNFLITT TAL-UKRAJNA

Aqra wkoll

Jekk hemm aħbar internazzjonali li dawn l-aħħar ftit ġimgħat kienet fil-paġni ta’ quddiem tal-aħbarijiet internazzjonali, din bla dubju ta’ xejn li hi l-kunflitt tal-Ukrajna. Inkunu qed nigdbu jekk ngħidu li dan il-kunflitt huwa wieħed ġdid, għax l-istorja tibda’ fl-2013, meta l-protesti fl-Ukrajna spiċċaw wasslu għat-tneħħija tal-President Ukren Victor Yanukovych, li kien ikkunsidrat politiku li kien lest iħares aktar lejn ir-Russja milli lejn l-Ewropa.

Il-messaġġ f’dawn il-protesti kien wieħed ċar: L-Ukrajna riedet tħares lejn l-Ewropa u mhux lejn ir-Russja għall-futur tagħha. Din l-aħbar naturalment ma tantx niżlet tajjeb mar-Russja, speċjalment meta wieħed jikksundira l-fatt li sal-bidu tas-snin disgħin l-Ukrajna u r-Russja kienu jifformaw mill-istess pajjiż, jiġifieri l-Unjoni Sovjetika.

Ir-Russja qatt m’aċċetat il-fatt li l-Ukrajna kienet ser tkun qed timxi ‘l quddiem mill-influwenza tagħha. Daqs tant ieħor m’aċċettawx dan il-fatt ħafna mill-Ukreni li jgħixu fil-Lvant tal-pajjiż, li għandhom rabtiet storiċi u lingwistiċi mar-Russja.

Kif beda dan il-Kunflitt?

L-ewwel pass f’ġirja li għadha għaddeja bħalissa, kien il-fatt li r-reġjun l-Krimea ddikjara l-indipendenza, u ftit wara ġiet inkorporat fir-Russja. Storikament, il-Krimea dejjem kien ikkunsidrat parti mir-Russja, u l-popolazzjoni nattiva t’hemmek wieħed jista’ jgħid li kienet tippreferi li tingħaqad mar-Russja askapitu tal-Ukrajna. Kien preċiżament fl-1954 li l-Krimea ġiet trasferita minn reġjun amministrattiv tar-Russja għal reġjun Ukren mill-Presidium tal-Unjoni Sovjetika. Mur għidilhom li din id-deċiżjoni kellha twassal għal diżgwid internazzjonali aktar minn 50 sena wara!

Ftit wara, ir-reġjun tad-Donbass, fil-Lvant tal-Ukrajna, wkoll iddikjara l-indipendenza. Dan sar permezz tal-formazzjoni ta’ żewġ Repubbliki mhux rikonoxxuti: dik ta’ Donetsk u ta’ Luhansk. Akuntrarju tal-Ukrajna, dawn iż-żewġ Repubbliki ma ġewx inkorporati fit-teritorju Russu, u għaldaqstant għadhom gvernati mis-Separatisti Ukreni.

Kif wasalna fejn wasalna?

It-tama dejjem kienet li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, dan il-kunflitt jibda jiġi fi tmiemu. Imma sfortunatament jidher li ġara l-oppost. Aktar ma’ l-Ukrajna bdiet tħares lejn l-Ewropa, b’għidut fost l-oħrajn li trid tidħol fin-NATO, aktar ir-Russja bdiet tieħu pożizzjonijiet agressivi. 

Ir-Russja spiċċat biex f’dawn l-aħħar ġimgħat stazzjonat eluf ta’ suldati mal-fruntiera mal-Ukrajna, u dan wassal għal dubju serju fuq jekk ir-Russja hijiex qed tlesti għal invażjoni. Skont il-President Russu Vladimir Putin, dan m’huwiex il-każ, biss pero’ nafu kif inhi d-dinja. Min ikollhu pjan, ma tantx ser tistennieħ javża lil kulħadd bih. Għaldaqstant, għad hemm dubji serji fuq kif tista’ tiżvolġi s-sitwazzjoni.

X’jiġri jekk ikun hemm kunflitt?

Jekk ir-Russja tiddeċiedi li tinvadi l-Ukrajna, il-konsensus militari huwa li ser ikun diffiċli ħafna għall-Ukrajna li tiddefendi lilha nfisha. L-armata Russa hija armata ħafna iktar minn dik Ukrena, u li hu żgur hu li l-Ukrajna ma tantx tista’ tiddefendi lilha nfisha b’mod ugwali kontra potenza militari bħalma hi r-Russja. Madanakollu, jekk ikollok pajjiżi Ewropej u anke l-Amerka li jiddeċiedu li jidħlu fil-kunflitt, jaf li l-Ukrajna tkun f’pożizzjoni kemxejn aktar favorevoli f’dan ir-rigward.

Għalkemm l-għajnuna internazzjonali jaf tgħin lill-Ukreni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tkun diffiċli ħafna għall-militar Ukren biex iwaqqfu l-avvanz Russu sa’ ma dawn jilħqu x-xmara Dnieper. Din ix-xmara, taqsam lill-Ukrajna fin-nofs, u għaldaqstant isservi wkoll bħala tarka ġeografika mill-Lvant għall-Punent tal-pajjiż. B’għajnuna internazzjonali, imma anke permezz ta’ reżiljenza Ukrena, tkun diffiċli ħafna għar-Russja li jaqsmu din ix-xmara mingħajr telf konsiderevoli ta’ ħajjiet, u anke t’apparat militari. Għaldaqstant, iċ-ċans ikun li jekk ikun hemm invażjoni, din tiġi fi tmiemha mal-Lvant tax-xmara Dnieper.

Xinhi l-akbar biża għall-Punent?

L-akbar biża’ għall-Punent hija li jkun hemm patt sigriet bejn ir-Russja u ċ-Ċina. Ir-Russja trid tippreserva l-influwenza tagħha fl-Ukrajna. Iċ-Ċina trid li tieħu taħt idea mill-ġdid lit-Taiwan. X’jiġri jekk fl-istess waqt ir-Russja tinvadi l-Ukrajna, iċ-Ċina tivadi t-Taiwan? It-tweġiba għal din il-mistoqsija, ma tantx hija waħda sabiħa.

Filwaqt li l-Punent jaf jiflaħ, u jiflaħ sew għal wieħed minn dawn il-kunflitti, iċ-ċans hu li tkun diffiċli ħafna li jaqsam ir-riżorsi tiegħu biex jgħin kemm lill-Ukrajna, u anke lit-Taiwan. Battalja fuq żewġ fronti hija xi ħaġa li kull militar irid jaħrab minnha. Għaldaqstant, il-Punent jaf ikun irid jispiċċa jrid jagħżel liem battalja jrid jiġġieled bis-serjeta’, fid-dawl ta’ dan kollhu.

Fl-aħħar nett, huwa previst ukoll li jekk il-kunflitt Ukren ikompli, jibqgħu jintużaw armi ekonomiċi bħas-sanzjonijiet fir-rigward tar-Russja. Kemm ser ikunu effettivi dawn is-sanzjonijiet, wieħed għad irid jara. Aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja ser ifissru li r-Russja jkollha tħares lejn iċ-Ċina fejn jidħol il-kummerċ, u f’relazzjoni maċ-Ċina r-Russja ser indubjament tkun dak li bl-Ingliż insejjħulu l-“junior partner”.

Sport