Monday, December 9, 2024

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta f’żjara f’Cagliari, Sardinja

Kollaborazzjonijiet kulturali, turistiċi u ekonomiċi

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, immexxi mis-Sindku Olaf McKay, għamel żjara produttiva f’Cagliari, il-belt kapitali ta’ Sardinja, bħala parti minn inizjattiva strateġika biex jissaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġt ibliet Mediterranji.

Din iż-żjara, li rat laqgħat mal-uffiċjali lokali, il-kunsill ta` Cagliari u rappreżentanti tan-negozju, kienet opportunità biex jiġu diskussi possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni kulturali, turistiċi u ekonomiċi.

Waqt iż-żjara, is-Sindku McKay enfasizza l-importanza ta’ rabtiet eqreb bejn Malta u Sardinja. Il-Belt Valletta, bħala UNESCO World Heritage Site u ċentru kulturali ta’ fama internazzjonali, għandha ħafna x’toffri u x’titgħallem minn Cagliari, li hija wkoll belt b’istorja u tradizzjoni kbira. 

F’laqgħat ma’ uffiċjali lokali, il-Kunsill tal-Belt Valletta ddiskuta inizjattivi li jistgħu jinkludu skambji kulturali bejn żgħażagħ, proġetti edukattivi bejn skejjel u universitajiet, kif ukoll żieda fil-kummerċ u t-turiżmu bejn iż-żewġt ibliet. Bħala parti minn din il-ħidma, is-Sindku McKay tenna li l-viżjoni tiegħu hija li l-Belt Valletta tkompli tikkontribwixxi bħala xempju ta’ kultura, sostenibbiltà, u żvilupp reġjonali.

“Din il-ħidma tirrifletti l-impenn tagħna li nagħtu spinta lill-komunità tagħna permezz ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali. Għandna ħafna x’nuru u ħafna x’nitgħallmu, u dan huwa pass ieħor lejn futur mill-isbaħ u vibranti għall-Belt Valletta u għar-residenti tagħna,” qal is-Sindku Olaf McKay.

Fl-aħħar nett, din iż-żjara f’Cagliari mhijiex biss eżempju ta’ kif iż-żewġt ibliet jistgħu jaħdmu flimkien, iżda wkoll tifkira tal-ispirtu Mediterranju li jorbotna flimkien bħala reġjun. Bħala Belt Kapitali, il-Valletta tkompli taħdem sabiex tħares l-interessi tar-residenti tagħha filwaqt li tibni relazzjonijiet ġodda mal-komunità internazzjonali.

Temm jgħid; “Grazzi lil dawk kollha li kkontribwew għal din il-missjoni, u ħarsa ’l quddiem għal inizjattivi konkreti li jkomplu jagħtu ġieħ lil beltna”.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport