Tuesday, April 23, 2024

“Il-kwalità tal-prodott hi riżultat tat-tisħiħ u t-tiġdid fil-ħiliet tal-ħaddiema”

- il-General Manager tal-Iskola tat-Taħriġ fl-ITS, Dr Frank Fabri

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tisma’ min jgħid, “Inmur f’ristoranti fi tmiem il-ġimgħa u jkolli problema biex nikkomunika ma’ min iqassam l-ikel jew jieħu l-ordni”. “Mhux dejjem nifhem xi jkun qalli u anki hu kellu problema biex jifhem x’qed ngħidlu”.

“Ordnajt mod u ġie ikel differenti għax ma fehmnix”. “Il-wejter donnu kien imbeżża kif ġie jieħu l-ordni. Staqsiena darbtejn biex jara jekk ħax l-ordni sew”. Dawn huma sitwazzjonijiet li ltaqgħu magħhom u qegħdin jiltaqgħu magħhom, dawk li jużaw is-servizzi fl-industriji tal-ospitalità, kemm Maltin kif ukoll turisti. Is-sitwazzjoni jidher li kkumplikat aktar fi żmien il-pandemija, meta ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu fil-qasam tal-ospitalità telqu mis-settur u ma reġgħux lura waqt li daħlu oħrajn ġodda flokhom.

Hu evidenti li hemm bżonn taħriġ, u dan qed jirriżulta kemm mill-prattika li nesperjenzaw u kif ukoll mill-istħarriġ u l-istudji li jsiru. Illum din hi meqjusa bħala ‘sfida’, jew ‘opportunità tajba biex is-settur tat-turiżmu u l-ospitalità jkomplu jirrankaw u jtejbu l-kwalita’ tal-prodott.

Għalhekk hemm il-bżonn ta’ taħriġ lill-ħaddiema biex ikomplu jtejbu u jiksbu l-ħiliet tagħhom. Quddiem r-realtà Maltija ta’ llum importanti li ħaddiema barranin jitħarrġu fil-lingwa Ingliża u Maltija, jiksbu tagħrif fuq il-kultura Maltija, u kif wieħed imur man-nies, kif tintlaqa’ persuna li tkun qed tistaqsi jew titlob servizz fost ħafna oħrajn. Dan meħtieġ isir biex il-prodott turistiku Malti jkompli jitjieb u jagħmel qabża oħra ‘l quddiem.

Il-ftuħ tal-Iskola tat-Taħriġ fl-ITS bil-korsijiet tagħha għall-industrija turistika u għall-pubbliku jidher li qed tħalli l-frott. Fil-fatt, fi tliet xhur mill-ftuħ tagħha kien hemm 550 impjegat fis-settur turistiku u tal-ospitalità li ingħataw it-taħriġ, liema taħriġ hu maħdum u bbażat skont il-bżonn ta’ dak il-ħaddiem partikolari.

Talk.mt tkellmet mal-General Manager tal-Iskola tat-Taħriġ tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), Dr Frank Fabri li għandu l-għarfien u l-esperjenza fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol. Enfasizzalna li “l-ITS tiffoka fuq taħriġ f’settur speċjalizzat, li huma dawk tat-turiżmu u l-ospitalità. L-ITS, ilha 35 sena tipprepara studenti biex jidħlu fl-industirja. Din is-sena, propju fis-Sena Ewropea ddedikata għall-Ħiliet, għamlet pass ieħor meħtieġ ‘il quddiem billi fetħet Skola għat-Taħriġ għall-industrija u għall-pubbliku.

Din il-funzjoni tagħha hi li tħarreġ u toffri taħriġ differenti lill-impiegati li diġa’ qegħdin fl-industrija. Ħaddiema li huma fis-settur. L-esperjenzi ivarjaw ħafna. Is-settur hu kbir u jimpjega ħafna ħaddiema f’pożizzjonijiet u f’livelli differenti. L-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom ivarjaw.

Hemm ħaddiema barranin li ġew Malta u uħud minnhom jeħtieġu jkomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom. L-Iskola tat-Taħriġ tal-ITS toffri taħriġ biex itejbu l-profiċjenza fil-lingwa Maltija u Ingliża, taħriġ fuq il-kultura ta’ Malta u tagħrif fuqha biex meta jservu lill-klijenti tagħhom ikollhom għallinqas tagħrif bażiku. Hemm imbagħad ħaddiema Maltin jew barranin li jkunu jridu jtebju l-ħiliet tagħhom jew iridu jiksbu ħiliet ġodda. L-għan tat-taħriġ hu li ntellgħu u ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema”.

Frank Fabri jgħidilna li “minbarra taħriġ għall-impjegati hemm ukoll programmi għall-pubbliku inġenerali u dawn jinkludu bosta korsijiet qosra u prattiċi li jsiru matul is-sena u jinkludu korsijiet dwar l-ikel, il-ħelu u x-xorb, inkluż dak Malti u l-preparazzjoni u metodi varji ta’ tisjir. Din l-iskola għandha valur għoli ħafna għax waqt il-pandemija tal-Covid-19, ħafna mill-attività ekonomika fis-settur għalqet. Fl-2022 it-turiżmu f’Malta kellu irkupru qawwi ħafna ta’ madwar 82 fil-mija b’2.3 miljun turist iżuru pajjiżna, użaw is-servizzi u kkonsmaw il-prodotti varji li noffru. L-irkupru ta’ malajr fl-industrija tat-turiżmu wassal biex esperjenzajna ċaqlieq ta’ impjegati li daħlu lura fl-industrija, fosthom b’impjegati bil-ħiliet neċessarji li daħlu lura fl-industrija, oħrajn li daħlu mhux bil-ħiliet meħtieġa, ħaddiema li jinbidlu ta’ spiss b’taħlita ta’ ħiliet u nuqqas tagħhom. Biżżejjed ngħidlek li din l-industrija fl-2022 kienet tinkorpora fiha 11 fil-mija tal-ħaddiema li jaħdmu part tajm u 7.2 fil-mija tal-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full tajm”.

Tħarrġu 550 impjegat fi żmien qasir

Bl-esperjenza fl-iżvilupp strateġiku, fl-ippjanar tattiku u fit-twettiq u l-kisbiet tar-riżultati neċessarji, Fabri tenna li “s-settur hu wieħed vast, interessanti u dinamiku ħafna. Biex il-prodott Malti jkun prodott ta’ kwalità u biex min jużah ikun sodisfatt, irid ikun hemm tliet aspetti ewlenin li jinħtieġu jkunu f’posthom biex ikun hemm tliet riżultati neċessarji li jaffettwaw direttament il-prodott Malti.

L-ewwel irid ikun hemm ħaddiema disponibbli biex l-attività ekonomika tkun tista’ tmexxi. L-industrija turistika f’Malta qed jirnexxilha tiġbed lejha ħaddiema, anke jekk inevitabbilment din hija magħmula minn taħlita ta’ Maltin u barranin. It-tieni aspett huwa r-rendiment tal-attività ekonomika.

Din irnexxielna niksbuha b’ħidma sfiqa mill-imsieħba kollha involuti, inkluż l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-industrija, il-kmamar u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi fost oħrajn. Wara l-pandemija kien hemm bżonn li s-settur iqum fuq saqajh u Malta, kif għedna, kellha irkupru qawwi ħafna ta’ 19 fil-mija aktar mill-irkupru internazzjonali. It-tielet aspett hu li l-ħaddiema irid ikollhom il-ħiliet neċessarji. L-impjiegati fil-livelli kollha, irid ikollhom il-ħiliet adekwati u aġġornati maż-żminijiet ta’ llum u bi tħejjija għal li ġej. Jekk ikollna dawn it-tlieta flimkien, ikun ifisser li se nġibu aktar suċċess.

B’dawn it-tliet fatturi f’posthom ikollna prodott ta’ kwalità, ikollna, servizz eċċellenti u naturalment l-esperjenza li jġorr miegħu il-klijent lura lejn artu tkun waħda eċċezzjonali. Klijent sodisfatt hu dejjem reklam tajjeb ħafna għal pajjiżna”.

Frank Fabri jgħidilna li “għandna programmi li jagħti taħriġ fuq it-tisħiħ tal-ħiliet transversali. Dawn huma ħiliet li mhumiex marbutin ma’ xogħol partikolari u meħtieġa ħafna fuq kwalunkwe post tax-xogħol. Qed nitkellmu fuq ħiliet li jgħinu kif issolvi problema, customer care, kif tmur man-nies, kif twieġeb it-telefonati, kif issellem, kif tilqa’ lil dak li jkun. Ħaddiema li jaħdmu f’reception, xufier ta’ taxi, gwida tat-turisti, wejters u ħafna oħrajn ikollhom bżonn ħiliet simili. Noffru taħriġ fuq saħħa u sigurtà, it-tmexxija u l-immaniġġjar f’pożizzjonijiet differenti, kif tamministra l-finanzi u l-profiċjenza fil-lingwi b’rabta mas-settur turistiku.

Dawn huma ħiliet li la darba takkwistahom tista’ teħodhom minn xogħol għal ieħor. Dawn inqisuhom bħala fundamentali. Dawn huma sitwazzjonijiet li meta nmorru għal xi servizz bħal nieklu f’xi ristorant jew f’xi lukanda, aħna nagħtu kashom. Ninnutaw kif ħadulna l-ordni, jekk kompliex miegħi, kif laqgħani. Hawnhekk naraw kemm hu importanti it-tagħlim tal-lingwi għax minn hemm tinduna jekk dak il-ħaddiem hux jikkomunika jew qed ibati. Din hi fundamentali għax taffettwa jekk l-esperjenza tiegħek meta ħadt dak is-servizz kinitx pożittiva jew negattiva”.

Tenna li “l-Iskola għat-Taħriġ tal-ITS fetħet fi Frar ta’ din is-sena (2023) u hija membru u leader fil-‘Pact for Skills’ tal-Kummissjoni Ewropa. Bdejna fuq sieq tajba għax fl-ewwel kwart tas-sena tajna xejn inqas minn 15-il kors u ħarriġna aktar minn 550 impjegat. Hemm rispons pożittiv ħafna għal dawn il-korsijiet. Filfatt 98 fil-mija ta’ dawk li attendew sabu li min iħarreġ jaf is-suġġett tajjeb ħafna. Min iħarreġ fl-Iskola tat-Taħriġ tal-ITS huma Trainers magħżulin wara sejħa li kienet pubblika u għandhom snin ta’ esperjenza fl-industrija, għarfien tal-qasam li jħarrġu fih u mimlijin passjoni. L-Iskola tat-Taħriġ għandha ‘l fuq minn 60 ‘trainer’ li jmissu l-oqsma varji tas-settur. 96 fil-mija qalu li t-taħriġ kien relevanti għall-bżonn tagħhom. 98 fil-mija qalu li s-sessjonijiet kienu ta’ tul tajjeb, la qosra u lanqas twal. 94 fil-mija lesti jirrakkomandaw it-taħriġ tagħna lil ħaddieħor”.

Il-General Manager iddikjara li “parti mis-suċċess ta’ dan it-taħriġ, hu għal fatt li mhux noffru biss korsijiet lesti, imma wkoll korsijiet li nibnuhom mal-klijenti. Fl-Iskola tat-Taħriġ żviluppajna metodoloġija interessanti ħafna li biha nibnu l-korsijiet mal-klijenti tagħna skont il-bżonnijiet li għandhom huma u l-impjiegati tagħhoma. Il-flessibilità hija ċentrali fil-ħidma operattiva tagħna.

Ngħidulu fejn iridna nagħmlu l-kors jekk hux l-ITS jew inmorru għandu u imbagħad jagħżel hu skont il-kumdità u l-esiġenzi tiegħu. Anke l-ħinijiet naraw liema huma l-aktar ħinijiet komdi għall-klijent. Aħna flessibbli ħafna u dan għax aħna nifhmu li l-industrija qed tħarreġ waqt li qed topera fis-sens li ngħidu aħna lukanda jew ristorant se tibqgħu miftuħin waqt li l-ħaddiema qed jingħataw it-taħriġ. Dan jinvolvi ħidma u attenzjoni partikolari fuq il-loġistika li tippermetti biex dan kollu jkun jista’ jsir”.

It-triq ‘il quddiem …strateġija għat-taħriġ u t-tsħiħ tal-ħiliet

Frank Fabri, bl-esperjenza ta’ aktar minn 25 sena fl-iżvilupp strateġiku u l-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jgħidilna li hu jqis li “hemm ħames punti ewlenin li rridu naħdmu fuqhom ilkoll flimkien b’mod sistemiku. Il-pajjiż irid jirrikonoxxi x’inhuma l-bżonnijiet fil-ħiliet.

M’għadux aktar biżżejjed li noqogħdu nitkellmu fuq il-bżonn li nsaħħu l-ħiliet, imma rridu naraw ukoll liema huma dawk il-ħiliet li rridu nsaħħu, għaliex neħtiġuhom imsaħħin, liema pjan l-aħjar li jiffaċilità dan kollu biex isir bl-aħjar mod, u l-bqija. Qed naraw numru ta’ azzjonijiet dwar dan. Fi tmiem is-sena li għaddiet l-NSO ħareġ l-ewwel stħarriġ dwar il-ħiliet u dan qed ikun analizzat waqt li r-riżultati mistennijin ikunu pubbliċi dalwaqt.

L-informazzjoni li se jkollna se tkun waħda evidenzjata u riċerkata. Ilu snin jinħass dan il-bżonn li qed ikun indirizzat bl-aħjar mod. Lilna bħala Skola tat-Taħriġ ser tkun qed tkompli tgħarrafna u tinformana waqt li tinfluwenza l-ħidma tagħma fit-tifsil u l-għoti tat-taħriġ. Irrid nirreferi wkoll għall-irwol u s-sehem tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet flimkien ma’ dak tal-istituzzjonijiet konċernati li huma importanti ħafna wkoll f’dan ir-rigward ”.

Jisħaq li “l-pajjiż għandu bżonn strateġija għall-ħiliet. S’issa l-prattika aktar hi li wieħed jimxi xi ftit jew wisq għal rasu aktar milli skont pjan strateġiku u jġib lil kulħadd xi ftit jew wisq f’direzzjoni kkordinata bejn il-kollettiv skont miri nazzjonali. Hemm bżonn strateġija nazzjonali għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet li marbuta magħha u msensla minnha jkun hemm strateġiji u pjanijiet settorali.

Din ikollha effett kbir għax l-industrija trid timxi ma’ dik l-istrateġija. It-taħriġ f’Malta irridu ngħollu l-profiti tiegħu. Hemm bżonn li jkollna kultura favur it-taħriġ. It-taħriġ mhux spiża, mhux mogħdija taż-żmien u lanqas mhu ħela ta’ ħin jew kastig. Veru li t-taħriġ jiswa l-flus. Imma jekk irridu ntejbu l-prodott Malti u li l-impjegati jkunu aktar imħejjijin, pro-attivi, kuntenti u jżommu aktar fil-post tax-xogħol tagħhom, hemm bżonn li t-taħriġ jiġi parti mill-kultura u l-operat tagħna. Kulturalment irridu nifhmu li l-mentalità li jingħata taħriġ biss jekk jibqagħli flus jew jekk ningħata l-għajnuna finanzjarja għalih, tfixkel u tnaqqas mill-kwalità tal-prodott, ixekkel l-eċċellenza fis-servizzi u tħassar l-eċċezzjonalita’ fl-esperjenza (li huma t-tliet riżultati li tkellimna dwarhom qabel).”.

Tenna li “hemm bżonn li nfasslu u nimplimentaw pjan ta’ taħriġ u żvilupp tal-ħiliet. F’Malta neħtieġu nkunu aktar ikkordinati madwar kultura strateġika favur it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet. Il-Gvern jamministra għadd ta’ skemi b’fondi nazzjonali u ewropwj li jsostnu u jiffinanzjaw it-taħriġ.

L-industrija diġa’ qed tibbenefika ħafna minn dawn l-iskema u naħseb li għandha tqis aktar kif strateġikament jaqblilha tinvesti hi wkoll fit-taħriġ. Il-bżonn hu li madwar pjan strateġiku nazzjonali li jiġbor madwaru s-setturi varji jitħarrġu ferm aktar impjegati biex ħilithom jibqgħu jissaħħu, jiġġeddu u jinkisbu ħiliet ġodda. Ir-riżultat ta’ dan kollu jwassal għal tisħiħ fil-kwalità tal-prodott, li jkun offrut b’mod eċċellenti u l-esperjenza tkun waħda eċċezzjonali.”

Frank Fabri qalilna ukoll li “imbagħad hemm bżonn reviżjoni kontinwa ta’ dan il-pjan holistiku. Fejn irridu nitfgħu aktar attenzjoni, fejn wasalna, u fejn neħtieġu nmorru. Irridu nibqgħu nifhmu s-sitwazzjoni li dejjem tinbidel u naraw li nindirizzawha bi pjan sistematiku fuq skala nazzjonali. Dan bla ma tnaqqas il-kompetittività.

Dan kollu lkoll nafuh u hemm kunsens ġenerali dwaru. L-esperjenza qed turina li hemm bżonn ta’ aktar taħriġ u żvilupp tal-ħiliet. Ilkoll konxji minn dan daqskemm ilkoll nafu li l-prodott, is-servizz u l-esperjenza jinħtieġu jibqgħu jittejbu u dejjem jittejbu. Dan kollu ma jistax jintlaħaq jekk il-ħaddiema ma jgħaddux minn proċess kontinwu ta’ taħriġ u żvilupp fil-ħiliet li jinħtieġu jippossjedu..”

Ikompli jgħid li “l-aspetattivi llum tal-klijenti li jfittxu jiksbu prodott tajjeb ħafna f’esperjenza mill-aqwa huma għoljin. Dan hu settur sabiħ u ambiżzjuż ħafna. L-industrija hi waħda attiva u dinamika mmens, u l-bżonn ta’ titjib jibqa’ wieħed kostanti. L-esperjenza tagħna tal-industrija li għarfet dan kollu u li resqet ‘il quddiem biex tinvesti fi pjan ta’ taħriġ hi waħda tajba ħafna.

Biex insemmi esperjenza waħda minn dawk li kellna, ellna lukanda partikolari resqet ‘il quddiem biex isir taħriġ għal impjegati tagħha. Poġġejna, iddiskutejna u ppjanajna t-taħriġ mal-klijent skont il-ħtiġijiet tiegħu. L-ewwel konna se nagħtu ċertu taħriġ u mbagħad spiċċajna inkludejna lill-ħaddiema kollha fil-lukanda anki, ngħidu aħna, lil min ibiegħ fil-ħwienet tal-lukanda, anki lill-ħaddiema fis-sezzjoni tal-manutenzjoni.

Dawn ma ħarriġnihomx kif għandhom jagħmlu l-manutenzjoni (li mhix il-kompenetza tagħna) imma kif jimmaniġġjaw sew sitwazzjoni jekk per eżempju kif iwieġbu jekk jiltaqgħu ma turist f’kuridur. Immaġina ħaddiem tal-manjtenzjoni ikellmu turist jew jistaqsih xi ħaġa u dan jibqa’ sejjer jew ma jkunx jaf iwieġbu. Ħarriġna lill-istaff kollu ta’ din il-lukanda. Issa qed nerġgħu niddiskutu flimkien fuq sessjonijiet oħra ta’ taħriġ.

Għax it-taħriġ isir bi pjan u għandu jkun progressiv. Hekk naħdmu mal-klijenti tagħna li rriduhom jirnexxu dejjem aktar fl-iżvilupp u l-għoti ta’ prodott permezz ta’ servizz u esperjenza ta’ kwalità”, temm jgħid Frank Fabri.

Sport