Ftit jiem biss qabel għeluq snin il-mibki Jake Vella, il-memorja tiegħu kienet onorata b’Open Day fis-siti ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa. F’din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbru li se jiftħu sejħa għal proposti għal proġett artistiku, fil-forma ta’ mafkar, li jiċċelebra l-memorja ta’ Jake Vella.
Din l-inizjattiva, li qed issir f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, tħabbret fil-preżenza tal-ġenituri ta’ Jake, li laqgħu din l-aħbar b’ferħ.
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta, fetħu s-siti preistoriċi ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa bla ħlas għall-pubbliku. Mijiet ta’ nies laqgħu l-istedina biex jiskopru aktar dwar il-preistorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-kontribut tal-komunitajiet lokali fil-promozzjoni tal-wirt kulturali ta’ Malta. Huwa qal ukoll li huwa impenjat li jfakkar il-memorja ta’ Jake Vella, li permezz tal-passjoni u l-impenn tiegħu lejn il-komunità ġenerali għamel differenza u għamel impatt kbir.
“Jake Vella se jibqa’ bniedem eżemplari li jispira ħafna oħrajn fil-komunità, għen u ħalla warajh impatt pożittiv,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li huwa mportanti li nirrikonoxxu l-valur li persuni bħal Jake Vella jagħtu lis-soċjetà. Hija kompliet billi qallet li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn inkunu qed nikkommemoraw il-legat ta’ dan it-tfajjel li daħal fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Fuq kollox, Jake u t-tjubija tiegħu se jibqgħu mfakkra fil-lokalità fejn trabba.
Għar Dalam huwa l-eqdem sit preistoriku ta’ Malta u jixhed ukoll l-ewwel preżenza tal-bniedem fi gżiritna daqs 7,400 sena ilu. Fillieri sħaħ ta’ għadam tal-annimali li jixħtu dawl fuq dawk iż-żminijiet imbiegħda, u li nstabu fl-għar li għalih hu msemmi s-sit, huma esebiti bi stil Vittorjan li bilkemm għadek issib bħalu fl-Ewropa kollha.
Ġewwa l-għar innifsu, imżejjen min-natura bi stalaktiti u stalagmiti l-ġmiel tagħhom u mogħni b’varjetà ta’ formazzjonijiet ta’ blat, il-viżitatur ma jistax ma jistagħġibx b’dak li jsir jaf dwar l-ibgħad antenati tagħna. F’dan is-sit, li hu wieħed mis-siti protetti ta’ Natura 2000, wieħed jista’ jgawdi wkoll bosta siġar u pjanti indiġeni.
Il-pubbliku kellu l-opportunità jżur wkoll is-sit ta’ Borġ in-Nadur, li jinsab ftit ’l isfel minn Għar Dalam. B’pożizzjoni unika bejn żewġ widien – Wied Żembaq u Wied Dalam – dan is-sit Neolitiku ġie skavat fis-snin 20 tas-seklu 20 mill-arkeologa Margaret Murray, li s-sejbiet tagħha kienu kruċjali biex wieħed jifhem aħjar ċerti aspetti tal-preistorja Maltija.
Il-jum tas-Sibt fiż-żewġ siti kien imżewwaq b’bosta attivitajiet għall-familja kollha, b’attivitajiet għat-tfal, kif ukoll kotba ta’ Heritage Malta għall-bejgħ. Waqt l-Open Day inġabru donazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni għal Annimali Abbandunati.
Preżenti kien hemm is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri, flimkien ma’ membri tal-kunsill lokali u rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi ta’ Birżebbuġa.