Thursday, April 18, 2024

IL-LIMITI TAL-GĦAJNUNA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kemm ilha għaddejja l-pandemija, l-gvernijiet kullimkien ma kellhomx alternattiva jekk riedu jżommu l-ekonomiji  tagħhom fil-wiċċ: riedu jiftħu l-vitien tal-flus biex jgħinu liċ-ċittadini u lill-impriżi jkomplu b’biżżejjed dħul ħalli ma jikkollassawx.

Ir-regoli li kienu jinżammu fit-tmexxija tal-finanzi publiċi dwar kemm jistgħu jitħallew jikbru d-djun twaddbu fil-ġenb. Wara sentejn, dan għadu qed jiġri. Imma ma tantx jista’ jibqa’ għat-tul. Ċerti gvernijiet qed jaqtgħu nifishom.

Oħrajn straħu fuq il-fatt li l-imgħaxijiet kienu baxxi fl-aħħar snin, biex jissellfu bil-kbir ħalli jkunu jistgħu joħorġu l-għajnuniet. Hekk kif l-imgħaxijiet bdew jogħlew, it-toqol tal-piżijiet li kellhom jassumu żdied qisu b’daqqa ta’ mazza. 

Żmien il-pandemija kien/għadu wieħed diffiċli. Ħafna pajjiżi se jkunu qegħdin jirpiljaw mill-effetti finanzjarji tal-Covid bi proċess delikat u diffiċli. Kruċjali se jkun sens ta’ ottimiżmu fost ċittadini-konsumaturi li jiġġenera tkabbir ekonomiku sostenibbli.

IL-PRESIDENZA TALJANA

Il-President Taljan ma tantx għandu poteri aqwa minn ta’ Malta. Biss l-għażla tiegħu hi elaborata u tirrekjedi trattativi komplikati bejn il-partiti. Jaħti għal dan forsi l-mod tal-għażla, b’“kulleġġ” elettorali magħmul minn deputati, senaturi u rappreżentanti “lokali” — u jekk fhimt tajjeb, l-ebda nomina formali.

Hu mod li jirrifletti r-realtajiet reġjonali tal-pajjiż li wara kollox m’ilux daqstant magħqud fi stat wieħed. Rappreżentanti politiċi mill-inħawi kollha b’hekk jistgħu b’mod dirett jesprimu ruħhom fl-għażla ta’ min se jidher bħala l-ogħla rappreżentant tal-poplu kollu.

Il-gvern ta’ Dr Fenech Adami kien issuġġerixxa metodu simili għall-għażla ta’ President fit-tieni amministrazzjoni tiegħu bejn l-1992 u l-1996. La qbilt mal-proposta dak iż-żmien u lanqas illum ma naraha li tagħmel sens għal Malta. Żgur m’għandniex id-diversità reġjonali li teżisti fl-Italja. Biżżejjed jirnexxielna nikkomplikaw il-ħajja aħna l-Maltin: sistema komplikata kif teleġġi l-President jonqosna!

IL-LETTERATURA ŻVANTAĠĠJATA?

Il-letteratura tinsab fi żvantaġġ imqabbla ma’ forom oħra ta’ arti, li diġà jinsabu żvantaġġjati fl-interess u l-attenzjoni li jirċievu miċ-ċittadini?

Naħseb li iva — il-qari f’pajjiżna xejn mhu mezz preferit ta’ kif tqatta’ l-ħin. Bħal f’pajjiżi oħra, l-użu tal-mezzi soċjali kompla jmewwet ħafna mill-interess li seta’ jibqa’ jiġbed lejh. Anqas ma jkun hemm qarrejja, anqas il-letteratura tista’ tiġbed nies lejha.

Min-naħa l-oħra, hemm statistika (nittama li hi ta’ min jafdaha) li turi kif in-numru ta’ nies li jużaw il-libreriji li jsellfu l-kotba qed jiżdiedu minn sena għal sena.

Daqs tletin sena ilu, minħabba l-videos, l-għadd ta’ nies li jattendu ċ-ċinema f’Malta naqas enormement. Konna bdejna nikkonkludu li spiċċa ż-żmien tas-swali taċ-ċinema. Ftit wara seħħ rinaxximent f’das-settur. Tgħid, l-istess ħaġa tista’ tiġri fil-letteratura?

Ekonomija

Sport