Friday, May 3, 2024

“Il-Lvant ta’ Sqallija qiegħed jesperjenza fenomenu tal-biża’”

Il-President tar-Reġjun Siċiljan, Nello Musumeci, dwar l-għargħar qawwi li diġà qatel żewġ persuni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sqallija bħalissa qiegħda tesperjenza għargħar qawwi kkawżat minn xita torrenzjali li diġà kkaġuna l-mewt ta’ żewġ persuni u persuna oħra hija rrapportata nieqsa. Maltemp qawwi laqgħat in-Nofsinhar ta’ din il-ġżira ġara fejn ikkawżaw konġestjonijiet fit-toroq u perikli varji tant li l-awtoritajiet lokali qegħdin jitobu liċ-ċittadini biex jibqgħu siguri magħluqa fi djarhom.

L-uffiċċju tal-president reġjonali, Nello Musumeci, fi stqarrija maħruġa t-Tlieta kkonferma li diġà kien hemm żewġ vittmi ta’ dan l-għargħar u persuna oħra hija rrapportata nieqsa. Fosthomm kien hemm il-kadavru ta’ raġel ta’ 67 sena li tkaxkar fi xmara li sbroffat bl-ilma. Il-ħaddiema tas-salvataġġ sadanittant għadhom għaddejjin b’ħidma biex isibu lil martu.

Talk.mt tkellem ma’ Sqalli residenti hawn Malta fejn qalilna li fortunatament fejn jgħix huwa, Siragusa, mhuwiex daqstant milqut minn dan il-maltemp rari li qiegħed jikkawża tant problemi f’pajjiżu. Huwa qalilna li l-agħar post biex wieħed ikun fih hija Katanja fejn qal li, “mietu anke xi nies. Insegwi l-aħbarijiet u ninsab f’kuntatt kontinwu mal-familja tiegħi. Almenu l-qraba u l-ħbieb tiegħi s’issa mhumiex periklu imminenti”. 

Huwa spjega li f’Siragusa kien hemm xita iżda minkejja li ngħalqu xi toroq u n-nies kellhom jibqgħu fid-djar tagħhom hawn ukoll, s’issa mhemmx sitwazzjoni ta’ allarm. “Ovvjament”, kompla l-Isqalli, “il-fatt li ninsab hawn Malta u ma nafx x’inhuwa jiġri eżatt u x’jista’ minn ħin għall-ieħor jinqala’, inħoss ċerta frustrazzjoni u inkwetat. Dan l-aktar għax lanqas nista’ ngħin f’każ li jkun hemm bżonn”.

“Il-fatt li ninsab hawn Malta u ma nafx x’inhuwa jiġri eżatt u x’jista’ minn ħin għall-ieħor jinqala’, inħoss ċerta frustrazzjoni u inkwetat” – Sqalli jgħix Malta

Il-bidla fil-klima hija fattur 

Ħaddiema tat-tifi tan-nar qalu li l-karozza tal-koppja tkaxkret żewġ kilometri minn ilmijiet ta’ żewġ metri li kienu kkawżati minn xita torrenzjali.

Bħala miżura ta’ sigurtà, titjiriet għall-ajruporti Sqallin ta’ Katanja u Palermo ngħataw istruzzjonijiet biex jinżlu f’ajruporti oħra. Is-Sindku ta’ Catania, Salvo Pogliese, għalaq l-iskejjel u skont stqarrija mill-uffiċċju tiegħu, “f’Katanja, fi żmien 48 siegħa, l-ammont ta’ xita li niżlet hija l-istess ammont medju li s-soltu tinżel f’sena sħiħa”.

Musumeci qal li, “il-Lvant ta’ Sqallija qiegħed jesperjenza fenomenu tal-biżgħa… Sfortunatament se jkun hemm repetizzjoni ta’ konsegwenzi tragiċi”. Huwa saħaq li, “il-bidla fil-klima, il-fraġilità tat-territorju u l-instabilità li ħafna drabi hija kkawżata mill-interventi tal-bniedem, huma fatturi li flimkien jistgħu, kif fil-fatt qegħdin naraw, ikollhom konsegwenzi fatali”.

Musumeci enfasizza li mill-2018 l-awtoritajiet reġjonali investew aktar minn 400 miljun biex jindirizzaw il-problema idroġeoloġika u biex isaħħu l-infrastruttura tal-art iżda, huwa ammetta li dan mhuwiex biżżejjed.

“Mingħajr interventi straordinarji, li l-Unjoni Ewropea biss tista’ timplimenta u mingħajr deċiżjonijiet kuraġġjużi li ma jkunux posposti mill-G20 u COP26, minn żmien għal żmien qegħdin insofru ħsara u allaħares qatt, aktar vittmi,” temm bi twissija Musumeci.

Sport