Gvern Laburista għandu pjan ċar ta’ kif imexxi l-pajjiż ‘l quddiem u jindirizza realtajiet ġodda b’soluzzjonijiet u b’azzjoni konkreta. Eżempju ċar huwa l-immaniġġjar tas-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, ġiet spjegata fid-dettall il-Malta Labour Migration Policy u r-rispons pożittiv li kien hemm dwarha mill-imsieħba soċjali meta ġiet ippreżentata fl-MCESD.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif il-Gvern qed iressaq għall-konsultazzjoni pubblika għadd ta’ proposti biex jiġu biss ħaddiema fejn meħtieġ, kemm meħtieġ u ta’ kwalità; u fl-istess ħin jinqatgħu l-abbużi minn min ma jirrispettax id-drittijiet tal-ħaddiem. Sostna li flok kien popolist, il-Gvern fehem il-ħtiġijiet tal-pajjiż u skont l-ideal tal-Partit Laburista li jħares l-interessi tal-ħaddiema.
Wieħed mill-prinċipji ewlenin li l-Ministru Camilleri saħaq fuqu huwa l-politika ta’ stabilità fis-suq tax-xogħol, bi drittijiet għall-ħaddiema, kontroll biex jiġu biss fejn hemm bżonn u investiment fil-ħiliet. Qal li l-Partit Nazzjonalista dwar din il-kwistjoni m’għandux proposti, ħlief li jorganizza konferenza u jispara ċifri bl-addoċċ ta’ kemm hawn bżonn ħaddiema barranin f’Malta.
Dr Camilleri stieden lil kull min irid jiddjaloga mal-Gvern biex jersaq bl-ideat tiegħu u jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika li tnediet fil-jiem li għaddew. Il-konsultazzjoni pubblika bdiet mal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) meta d-dokument ġie preżentat l-ewwel lilhom il-ġimgħa li għaddiet.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li Partit Laburista fil-Gvern jivvalorizza l-ħidma u l-impenn tal-imsieħba soċjali għax jagħti widen lid-djalogu soċjali li qed iħalli riżultati mixtieqa biex jiġu ndirizzati sfidi u realtajiet ġodda li qed jgħaddi minnhom pajjiżna. Faħħar ir-rispons pożittiv mill-imsieħba soċjali għar-rakkomandazzjonijiet li saru fid-dokument tal-Malta Labour Migration Policy, li qal raw li l-policy hija pass fit-triq it-tajba għal Malta.
Ikkwota r-reazzjoni ta’ wħud mill-imsieħba soċjali li laqgħu il-proposti tal-Gvern f’dan ir-rigward, b’Dr Ellul jgħid li l-Gvern qed jieħu nota wkoll tas-suġġerimenti li qed jagħmlu tul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Qal li bi djalogu soċjali l-Gvern qed jirnexxielu jindirizza realtajiet ġodda li żvilupopaw fis-suq tax-xogħol u elenka riformi li daħlu fis-seħħ fl-aħħar 3 snin.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma l-ħidma li saret biex rregolat is-settur tad-digital platform work, jiġifieri l-ħaddiema li jqassmu l-ikel, mediċini, xirjiet u dokumenti, b’Malta tkun minn tal-ewwel pajjiżi Ewropej li aġixxa u ta drittijiet lil dawn il-ħaddiema. Tkellem ukoll dwar ir-regoli li daħlu fis-seħħ għall-aġenziji tal-impjieg magħrufa bħala temping agencies, waħda mill-ikbar riformi li qatt saru fis-settur tax-xogħol biex ikun hawn iktar viżibilità fuq l-operaturi dwar l-ingaġġ tal-ħaddiema barranin f’setturi varji.
Il-Partit Laburista huwa tal-fehma li bil-Malta Labour Migration Policy pajjiżna se jagħti prijorità lill-ħaddiema Maltin u mbagħad fis-setturi fejn meħtieġ jidħlu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi terzi. B’dan il-mod, pajjiżna qed itejjeb id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, fl-istess waqt li jkompli jsaħħaħ is-suq tax-xogħol li jirrifletti l-ġid ekonomiku li qed jirnexxielu joħloq pajjiżna.